Tuesday, May 19, 2026

Iffirmat ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Housing Projects Solutions

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jgħid li dan il-ftehim se jfisser pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ippresjeda l-iffirmar tal-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Housing Projects Solutions Ltd. (HPS). 

Dan il-ftehim kollettiv ikopri s-snin sal-2030 u minnu qed jibbenefikaw il-ħaddiema kollha, inkluż dawk amministrattivi, professjonali u tekniċi, fosthom arkitetti, project managers u site officers.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul spjega li dan il-ftehim kollettiv se jsaħħaħ, mhux biss il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati “imma se jagħti wkoll l-opportunità lil dawn il-ħaddiema biex jipprogressaw f’din l-organizzazzjoni. Dan il-ftehim jimxi id f’id mal-viżjoni tal-Gvern biex joħloq impjiegi ta’ kwalità li joffru l-aqwa pagi u kundizzjonijiet.”

Dr Ellul qal li l-ftehim kollettiv se jfisser ukoll aktar żvilupp fil-karriera u taħriġ kontinwu għall-impjegati li juri kemm l-HPS flimkien mal-Gvern huma kommessi favur id-drittijiet u l-ħarsien tal-benesseri tal-ħaddiema.

Dan il-ftehim kollettiv isegwi ieħor li kien iffirmat is-sena l-oħra għall-ħaddiema manwali.

Minn Awwissu 2025, Housing Projects Solutions Ltd bdiet vjaġġ importanti ta’ trasformazzjoni, b’enfasi qawwija fuq ir-ristrutturar u l-modernizzazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-HPS Marisa Marmarà spjegat kif ġew introdotti proċeduri ġodda mmirati biex isaħħu l-project management, il-governanza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà fi ħdan l-entità. “Nemmnu bis-sħiħ li l-impjegati huma l-pedament tas-suċċess organizzattiv, u għalhekk komplejna nagħtu prijorità lill-investiment fin-nies, fit-tkabbir professjonali u f’kultura ta’ xogħol aktar b’saħħitha bħala elementi ewlenin għall-prestazzjoni,” qalet Marisa Marmarà.

Temmet tgħid li dan il-ftehim kollettiv, iffirmat bejn l-HPS u rappreżentanti tal-UĦM, huwa wieħed mill-ewwel passi biex jinħoloq ambjent tax-xogħol fejn kull impjegat iħossu apprezzat u jkollu l-opportunità jiżviluppa karriera fi ħdan il-kumpanija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport