Il-manifest elettorali “Int Malta” fit proposti li jolqtu lil kulħadd fosthom iż-żgħażagħ, is-self-employed, il-pensjonanti u ħafna iktar, u dan il-ġid se jkompli jinħoloq b’ekonomija b’saħħitha.” Hekk iddikjara l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela meta kien qiegħed jindrizza attività politika fil-Mosta.
Il-Prim Ministru stqarr li dan il-manifest jolqot lil kulħadd minħabba li dan hu t-twemmin Laburista, li joħloq il-ġid biex igawdu ħafna.
Dr Abela tkellem dwar kif hekk kif ninsabu ftit jiem biss bogħod minn deċiżjoni importanti ħafna, li tiddetermina l-futur tal-Maltin u l-Għawdxin, il-Manifest Elettorali jara kif Partit Laburista ikun miegħek f’kull pass tal-ħajja.
Dr Abela qal kif din l-elezzjoni ġenerali ġġib sfidi kbar hekk kif l-ebda partit politiku fl-istorja kollha ta’ pajjiżna qatt ma rebaħ ir-raba’ mandat tiegħu, però, tenna li flimkien determinati li naslu.
Hawn appella lin-nies biex jgħinu lil dan il-moviment enerġetiku jibqa’ jiġġenera l-ġid u għalhekk il-vot tat-30 ta’ Mejju li ġej se jkun it-tkomplija ta’ dan il-kapitlu sabiħ għal pajjiżna.
“Niġi quddiemkom illum u nitlobkom biex tkunu miegħi, biex tgħinu lil dan il-moviment tal-ġid, dan il-moviment enerġetiku biex iġib aktar riformi, aktar bidla, aktar progress soċjali u ekonomiku, aktar investiment lejn pajjiżna, iktar ħolqien ta’ xogħol. U għalhekk, ħbieb tiegħi, nistedinkom: iva, idħlu fl-istorja fit-30 ta’ Mejju. Ħossukom kburin bil-vot tagħkom, għax dakinhar intom tistgħu tnaqqxu isimkom fl-istorja fuq it-tkomplija ta’ dan il-kapitlu tant sabiħ u eċitanti ta’ pajjiżna,” iddikjara l-Prim Ministru Robert Abela.
Waqt l-attività politika fil-Mosta Dr Abela stqarr kif wieħed mill-pilastri importanti fil-manifest huwa dak tal-ugwaljanza, l-ugwaljanza bejn is-sessi, fuq il-post tax-xogħol, fid-drittijiet ċivili, u li kulħadd ikollu ċans jimxi ’l quddiem fil-ħajja.
“L-ugwaljanza, illi l-manifest tagħna huwa pilastru tagħha, u kburi ngħidha din jien — anzi, huwa l-uniku manifest li hu pilastru tal-ugwaljanza. L-ugwaljanza bejn ir-raġel u l-mara: għandna l-aqwa programm għall-avvanz tal-mara. Bl-istess mod, imbagħad, l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol. Fuq kollox, l-ugwaljanza għal kulħadd f’dan il-pajjiż. Trid tkun komdu li tkun int, u dak li int m’għandux jiżvantaġġjak,” kompla jgħid il-Prim Ministru quddiem folla sabiħa ta’ nies.
Tkellem ukoll dwar id-differenza bejn Partit Laburista li vvota favur iktar ulied għal mijiet ta’ familji u l-Kap tal-Oppożizzjoni li vvota le u dawwar wiċċu milli jiskuża ruħu mal-elf familja ġdida li kellhom it-trabi permezz tal-IVF.
Hawn semma ħemel ta’ miżuri li jinsabu fil-Manifest Elettorali fosthom il-kickstart għaż-żgħażagħ, is-Super Bonus, SMEBoost, My First Home, l-aqwa bidu għall-familji, Our Next Home u miżuri b’garanzija għall-anzjani.
Dr Abela tenna li min lanqas jaf b’kemm tikber l-ekonomija tagħna, ma jistax ikun fdat li jkompli jkabbarha u min lanqas jaf x’inhu fiscal forecast, ma jistax ikun fdat b’baġit ta’ disa’ biljun ewro fis-sena.
Għalhekk, aktar minn qatt qabel issa hija kwistjoni ta’ kredibbiltà u kompetenza biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem stqarr il-Prim Ministru.
“Aħna grati ħafna lejn il-fiduċja li għoġobkom tisilfuna u ta’ kuljum dik il-fiduċja rridu nrodduha f’aktar ħidma għalikom. Għalhekk kunu magħna biex nagħmlu lil Malta aqwa għal-livell li jmiss għax intom Malta u Malta intom, il-ħolma tiegħek, il-ħolma tagħkom, il-proġett tagħna,” temm jgħid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela fil-Mosta.

