Wednesday, May 20, 2026

Kunfidenza, fiduċja u stabbiltà … dak li l-Gvern iggarantixxa fl-aħħar snin

Aqra wkoll

“Il-kunfidenza, il-fiduċja u l-istabbiltà. Dawn l-elementi kienu dak li l-Gvern iggarantixxa tul dawn l-aħħar snin. Din ġejja mill-fatt li ħloqna x-xogħol. Xogħol ta’ kwalità. Xogħol fis-setturi ta’ valur miżjud li se nkomplu niddirezzjonaw l-ekonomija tagħna lejhom.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fit-tieni dibattitu bejn il-mexxejja tal-partiti politiċi waqt din il-kampanja elettorali, liema dibattitu kien organizzat mill-Kamra tal-SMEs.

Dr Abela beda biex qal li fl-aħħar sitt snin u nofs “qsamt magħkom l-aktar mumenti ta’ sfidi. Meta fl-2020 sibna l-akbar sfida quddiemna fejn kien hemm negozji li setgħu jogħtru, ħdimna flimkien u ħloqna l-aqwa opportunità. Minn hemm imbagħad rajna diversi gwerer lil hinn minn xtutna u dejjem ħriġna aktar b’saħħitna.”

Huwa tenna li llum f’pajjiżna għandna sitwazzjoni ta’ full employment. Fakkar kif ftit tal-jiem ilu tnieda investiment fis-settur tal-Medtech li se joħloq 250 karriera ta’ kwalità. Din il-ġimgħa se titlesta wkoll l-infrastruttura fiżika tal-STMicroelectronics fis-settur tal-microchips. 

Dr Abela għamel enfasi fuq il-fiduċja, li ma’ dan il-Gvern taf li t-tkabbir ekonomiku huwa garantit u sostenibbli. Qal li dik il-garanzija jagħtiha t-tim kompetenti ta’ nies li mexxa l-ekonomija tul dawn l-aħħar snin. 

“Tibqa’ kruċjali l-politika tal-Gvern fis-settur tal-enerġija. Dejjem għedna li dik hi waħda mill-politiki ta’ sostenn li huma meħtieġa għax tat stabbiltà lin-negozji. L-għażla kruċjali ta’ politika ekonomika progressiva ta’ sostenn. Li tibqa’ tinvesti fikom ilkoll,” qal il-Prim Ministru. 

“Magħna għandkom dik il-garanzija li nafu fejn qegħdin, nafu fejn sejrin u nafu fejn aħna maqbulin mal-Kummissjoni Ewropea anzi wasalna ferm qabel iż-żmien imbassar. Għamilna dan għax konna realistiċi.”

Il-Prim Ministru tenna li l-kredibiltà tiġi billi kull proposta li għandhom fil-manifest hi costed, jafu kif se jimplimentawha u meta din se tkun qed tiġi impliementata.

“Huwa track record tagħna li jiddistingwi bejn iż-żewġ manifesti. Aħna nitkellmu bi track record li wettaqna fis-suq tax-xogħol, fil-qasam tax-xogħol, fl-ekonomija ta’ pajjiżna u billi tellajna l-livell ta’ dan il-pajjiż ’il fuq. Issa wasal il-mument li l-ekonomija ntellgħuha fil-livell li jmiss u anke l-wellbeing tal-poplu ntellgħuh fil-livell li jmiss,” qal Dr Abela. 

“Irridu nwieġbu b’soluzzjonijiet realistiċi”

Dwar l-overpopulation, il-Prim Ministru qal li sa ftit tas-snin ilu dan il-pajjiż meta kien imexxi ħaddieħor kellu pjaga opposta – il-qgħad tal-Għawdxin u l-Maltin. “Dak ix-xogħol ħloqnieh. Mhux għax impurtajna ħaddiema barranin. Dik hi retorika populista. Illum għandna suq tax-xogħol li qed jagħti impjiegi ta’ kwalità, ekonomija diversifikata, opportunitajiet lil kulħadd,” qal Dr Abela.

Huwa semma wkoll ir-regolamentazzjoni li saret fit-temping agencies u f’dan ir-rigward iddaħħlet ukoll il-Labour Migration Policy. Qal ukoll li l-Intelliġenza Artifiċjali hi waħda mill-aqwa għodod li se tippermeti li l-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin tiġi indirizzata u tkompli tnaqqas it-tkabbir tagħha. 

“Għalhekk l-individual learning account, l-investiment fi study leave għar-reskilling u upskilling ħallli l-ħiliet tal-ħaddiem jibqgħu jiżdiedu,” qal il-Prim Ministru. “Irridu nwieġbu b’soluzzjonijiet li huma realistiċi.”

Dwar il-pompa tal-petrol f’nofs il-baħar, li qed jipproponi l-PN, huwa nnota kif il-Kap tal-Oppożizzjoni fi preżentazzjon li għamel qal li se tiġġenera €450 miljun fuq medda ta’ tliet snin filwaqt li t-Tnejn li għadda qal li se tiġġenera €350 miljun. 

Però, il-Prim Ministru qal li meta fetaħ il-manifest tal-PN sab li fl-ewwel ħames snin din mhux se tiġġenera ċenteżmu. “Għiduli x’kunfidenza jagħtikom li dan il-pajjiż jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem b’dan it-tip ta’ proposti fl-arja,” qal il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-SMEs f’pajjiżna jiffurmaw parti mid-99% tan-negozji ta’ Malta u Għawdex. Tenna li għalhekk hu kruċjali li nħarsuhom u nagħtuhom l-appoġġ u naraw kif intaffu l-isfidi li għandhom u noħolqu opportunitajiet minnhom. 

“Meta bdejna nifformulaw il-programm elettorali għall-elezzjoni rajna li nibbilanċjaw ruħna. Ridna naraw li ngħinu lin-negozju permezz ta’ traħħis ta’ taxxi, tnaqqis tal-burokrazija u ridna noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda,” qal Dr Borg. 

F’mument minnhom waqt id-dibattitu, il-Prim Ministru nnota kif skont il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-politika pożittiva tfisser li żbalji grassi fil-manifest elettorali wieħed irid joqgħod sieket dwarhom. “Għidilhom kollox ħażin,” instema’ jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Il-Prim Ministru wieġbu “ma ngħidlekx kollox ħażin. Allaħares kollox ħażin ikkupjajtu nofs il-manifest tagħna. Imma kkupjajtuh ħażin ukoll. Ipprovajtu tikkupjaw is-superbonus, żgarrajtu b’€250 miljun. Ipprovajtu tagħmlu tal-first time buyers, żgarrajtu b’€34 miljun fuq €37 miljun.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport