Monday, September 1, 2025

Raġel bil-vizzju tad-droga jammetti li pprova jisraq uffiċċju ta’ avukati fil-Belt

Aqra wkoll

Rittmar Hatherly ta’ 38 sena residenti l-Belt Valletta, li fil-qorti ntqal li għandu l-vizzju tad-droga baqa’ miżmum taħt arrest wara li ammetta li pprova jisraq minn uffiċċju ta’ avukati fil-Belt stess.

Hatherly kien mixli li pprova jwettaq din is-serqa bejn is-2.00am u l-4.00am tat-30 ta’ Awwissu li għadda. Hu kien mixli li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq żewġ każijiet oħra li għandu l-Qorti u li kiser sentenzi tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija bdew wara li għall-ħabta tat-3.00am daqq l-alarm tal-uffiċċju u meta s-sid daħlet biex tara l-filmati tal-kameras tas-sigurtà rat lill-imputat.

Il-pulizija marru fuq il-post fejn sabu lill-akkużat għadu fil-binja u arrestawh.

Hatherly wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih filwaqt li qal li ma jaħdimx.

L-Avukat Yanika Barbara Sant li dehert għall-imputat qalet li l-akkuzat kkopera mal-Pulizija u talbet li jsir pre-sentencing report qabel tingħata s-sentenza.

Qalet li l-klijent tagħha ilu għaddej bil-problemi tad-droga u li fl-aħħar sena anke tilef lill-ġenituri tiegħu u anke lil oħtu li kellha biss 44 sena.

Fl-awla ntqal li l-akkużat kien għamel programm ta’ rijabilitazzjoni fl-2007. L-imputat reġa’ wera x-xewqa li jagħmel programm ieħor tad-droga bil-Maġistrat qallu li għandu jagħmel ħiltu kollha biex jeħles minn dan il-vizzju.

Id-difiza ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk sakemm tingħata s-sentenza se jibqa’ miżmum arrestat.

Il-Maġistrat Azzopardi ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni favur dawk li jaħdmu fl-uffiċċju fil-mira tas-serqa.

Il-proekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Miryea Mifsud mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Gabriel Micallef.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport