Monday, December 30, 2024

Raġel “bla ebda involviment” fl-inċident ta’ Paqpaqli lliberat wara diversi snin

Aqra wkoll

Dilettant tal-motorsport kien illiberat mill-akkużi kollha miġjuba kontrih b’rabta mal-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina fl-2015, wara li l-Qorti ddikjarat li huwa ma kellu “l-ebda involviment” f’dak li ġara.

“Ma kelli x’naqsam xejn jien. Lanqas biss kont fil-kumitat. Sirt naf bil-ko-akkużati l-oħra mill-Qorti,” Jonathan Tonna sostna fil-Qorti filwaqt li żied jgħid li għall-ewwel ħaseb li l-akkużi kienu “xi ċajta”. 

Huwa kien mixli dwar l-inċident li fih Paul Bailey kien tilef il-kontroll tal-Porsche 918 Spyder li kien qiegħed isuq u baqa’ dieħel fil-folla bil-konsegwenza li ndarbu 26 persuna, uħud minnhom b’mod gravi. 

Is-sena ta’ wara, il-membri tal-kumitat organizzattiv, flimkien mas-sewwieq tal-karozza, kienu mixlija li kkawżaw ġrieħi involontarji fuq il-vittmi u li għamlu ħsara fil-proprjetà ta’ terzi. 

Tonna kien involut ukoll f’din l-attività sal-2013 u kien jirrappreżenta lil Island Club Cars. L-aħħar darba li l-club ipparteċipa f’Paqpaqli kien fl-2014. Is-sena ta’ wara, Tonna rċieva email mingħand wieħed mill-organizzaturi ta’ Paqpaqli fejn staqsieh jekk Island Cars Club kellhomx “pjan ta’ sigurtà” meta kienu jorganizzaw l-avvenimenti tagħhom. “Xi pjan hu?” Tonna wieġbu li spjega kif qabel l-2015 ma kien hemm l-ebda pjan.

Il-Maġistrat Victor Axiak li sema’ l-każ, innota li ma kien hemm l-ebda involviment min-naħa ta’ Tonna. Kien għalhekk li l-Qorti ddikjarat li “huwa ċar li Tonna ma kellu l-ebda involviment ta’ kwalunkwe natura fl-organizzazzjoni tal-avveniment u ma kellu l-ebda responsabbiltà għal xi pjan ta sigurtà.” B’hekk Tonna kien illberat minn kull responsabbiltà kriminali. 

L-Avukati Michael Sciriha, Lucio Sciriha u Roberto Spiteri dehru għal Tonna. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretedent Josric Mifsud u l-Ispettur Hubert Cini.

Ekonomija

Sport