Raġel bla saqaf fuq rasu nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti mixli seraq xi flus minn karozza f’Ħal Qormi u li wara ħarab mill-kustodja tal-pulizija.
L-imputat Usam Abdullahi Sohdal, Libjan ta’ 30 sena, li qal li ma jaħdimx, tressaq il-Qorti taħt arrest wara li allegatament wettaq serqa l-Ħadd li għadda.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-filmati tac-CCTV urew raġel miexi fi Triq Pawlu Farrugia f’Ħal Qormi u li f’mument minnhom dan allegatament deher jiftaħ bieb ta’ karozza, jieħu xi flus minn ġewwa u jitlaq minn fuq il-post.
Ingħad li aktar tard, il-pulizija rċevew informazzjoni li Sohdal kien qed jinstab fiż-żona tal-Park and Ride ta’ Ħal Qormi. Il-Pulizija marru fuq il-post u hemmhekk, huwa twaqqaf u ġie arrestat.
Madankollu, waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija, irnexxielu jaħrab u nstab nhar it-Tnejn għall-ħabta tal-11:30pm waqt li l-pulizija kienu qed jagħmlu xi rondi fil-Marsa.
Huwa ġie mixli li seraq madwar €400 fi flus kontanti, b’reċidiva, li wettaq reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, li ħarab mill-kustodja legali u li ma obdiex l-ordnijiet mogħtija lilu mill-Pulizija.
Fil-Qorti, Sohdal wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Sarah Ciliberti dehret għal Sohdal. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur John Sammut.


