Raġel ta’ 45 sena minn Tas-Sliema kellu jiddaħħal l-Isptar wara li għall-ħabta tal-10:15 a.m kien involut f’inċident li seħħ fi Triq il-Mina ta’ Hompesh f’Ħaż-Żabbar.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li r-raġel kien qed iġorr xi twapet ta’ ħaxix artifiċjali għas-sorijiet fil-kunvent, meta għal xi raġuni spiċċa maqbud taħt xi materjal. Minkejja li l-ewwel informazzjoni li daħlitilha l-Pulizija kienet li kien spiċċa maqbud taħt xi inġenji, mal-wasla tagħhom l-uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkonfermaw li l-high-up kien f’postu. Minn investigazzjonijiet ulterjuri rriżulta li l-vann kien inqaleb u laqat lir-raġel.
Jidher li din mhix l-ewwel darba li dan ir-raġel flimkien ma’ ħaddiema oħra kienu jmorru jagħmlu att ta’ karità.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li taw l-ewwel għajnuna lir-raġel sakemm huwa seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar attenzjoni medika. Aktar tard huwa ġie ċertifikat li sofra ġrieħo serji.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.