Il-Qorti semgħet kif it-Tlieta filgħaxija raġel fis-sakra pprova jagħti n-nar ċilindru tal-gass, f’dak li l-Prosekuturi qed jallegaw li kien attentat biex iqabbad il-blokka ta’ appartamenti fejn huwa kien joqgħod.
Bubakar Kandeh ta’ 27 sena mill-Gambja iżda residenti Birkirkara, ġie mixli li pprova jagħti n-nar fil-blokka, ikkawża biża’ li se tintuża vjolenza fuq ħaddieħor u li kien fis-sakra f’post pubbliku. Huwa kien mixli wkoll li ħebb għal persuni oħra u li heddidhom.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif il-pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara kienu rċevew rapport li raġel li deher li kien fis-sakra beda jdur mal-blokka ta’ appartamenti fejn kien jgħix u jħabbat b’mod aggressiv mal-bibien tal-ġirien tiegħu.
Wara li ħadd ma fetaħlu, huwa allegatament ipprova jagħti n-nar ċilindru tal-gass fil-komun. Il-Pulizija kienu arrestaw lil Kandeh u ħaduh l-isptar għall-kura. Il-Qorti semgħet kif l-imputat ikkopera mal-pulizija u rrilaxxa stqarrija dwar l-inċident.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputat allegatament “ipprova jqabbad blokka ta’ appartamenti li fiha kien hemm in-nies.”
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant inżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.