Sunday, December 29, 2024

Raġel imfittex mill-Pulizija kien qed jagħmel xi xogħol fil-Palazz ta’ San Anton

Aqra wkoll

Raġel li kien imfittex mill-pulizija wara li allegatament naqas milli jiffirma l-għassa, tressaq fil-Qorti wara li l-Ħadd li għadda ta ruħu b’idejh lill-pulizija. Huwa ddikjara fil-Qorti li kien qed jagħmel xi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-Palazz ta’ San Anton waqt li l-pulizija kienet għaddejja bit-tfittxija għalih.

Tristan Farrugia Tedesco ta’ 27 sena, li daħal fl-awla b’siequ l-leminija fil-ġibs, kien mixli li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħeħslien mill-arrest. Huwa kien ukoll mixli li rreżista lill-pulizija fl-Għassa ta’ Birkirkara kif ukoll li kkawża ħsara voluntarja fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.

L-Ispettur Clayton Camilleri, li flimkien mal-Ispettur Joseph Mallia mexxew il-Prosekuzzjoni, spjega fil-Qorti li l-imputat kienu ilu ma jiffirma l-ktieb tal-bail għal diversi ġimgħat, li wassal biex inħarġu żewġ mandati t’arrest fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ proċeduri kriminali li għaddejjin fil-konfront tiegħu.

“Fl-istess ħin, Farrugia Tedesco qed ikun investigat ukoll minħabba aktar serqiet,” kompla jgħid l-Ispettur Camilleri. Intqal li l-imputat iddeċieda li jagħti ruħu b’idejh lill-pulizija fuq parir tal-avukat tiegħu stess. 

Ir-raġel, li għandu problema tad-droga, spjega fil-Qorti li huwa kien jaħdem ma’ kuntrattur u li kien qed jagħmel xi xogħol fuq xi balavostri fil-Palazz ta’ San Anton meta kien infurmat sabiex ma jibqax jirrapporta għax-xogħol wara li ħareġ li huwa kien qed jiġi mfittex mill-pulizija. 

Wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest iżda saret talba lill-Qorti sabiex id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta Kordin jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lill-imputat sabiex ikun jista’ jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni.

Min-naħa tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, għamlet din ir-rakkomandazzjoni.

L-Avukat Noel Bianco deher għal Tedesco. 

Ekonomija

Sport