Tuesday, April 30, 2024

Luke Micallef, Lisa Bezzina jirbħu l-Kampjonat Nazzjonali tal-Cross Country 2023

Aqra wkoll

Luke Micallef u Lisa Bezzina bdew l-istaġun domestiku tal-atletika b’rebħa tajba fil-Kampjonat Nazzjonali tal-Cross Country. Dan l-avveniment annwali ġabar flimkien bosta mill-aqwa atleti Maltin f’tellieqa ta’ 9km fuq il-ħaxix madwar il-grawnds tal-Marsa.

Micallef, atleta ta’ Pembroke Athleta, kompla għaddej bil-forma b’saħħitha murija f’numru ta’ avvenimenti din is-sena meta kiseb it-titlu nazzjonali b’ħin ta’ 28:23, filwaqt li Charlton Debono ta’ Evolve daħal fit-tieni post b’28:40 quddiem sieħbu tal-istess tim Shaun Galea.

Fost in-nisa, Lisa Bezzina ta’ Pembroke rebħet it-titlu għal din is-sena b’33:53 quddiem Rachel Borg ta’ Libertas li temmet f’34:38.

Fil-kategoriji taż-żgħażagħ rebħa għal David Borg fl-Under 23, fuq distanza ta’ 7000 metru, b’ħin ta’ 22 minuta netti, filwaqt li fil-kategorija Under 20, li ġrew 5000 metru, Gabriel Farrugia daħal fl-ewwel post b’ħin ta’ 16-il minuta quddiem Tommy Wallbank li rreġistra ħin ta’ 16:31.

Ir-riżultati miksuba f’dawn il-Kampjonati u l-prestazzjonijiet riċenti tal-atleti li kklassifikaw f’dan il-kampjonat nazzjonali issa qed jiġu evalwati minn Athletics Malta biex jintagħżel it-tim nazzjonali għall-Kampjonat Ewropew tal-Cross Country li se jsir fi Brussell, fil-Belġju fl-10 ta’ Diċembru li ġej.

Sport