Wednesday, December 25, 2024

RAĠEL IMFITTEX MILL-PULIZIJA WARA LI MAR OFF-ROADING IR-RAMLA L-ĦAMRA

Dr Christian Zammit, is-Sindku tax-Xagħra jieħu azzjoni mill-ewwel

Aqra wkoll

Persuni li jiffrekwentaw ir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex tkellmu ma’ talk.mt dwar trakk ta’ lewn iswed li qed jinżel fuq ir-ramel kważi kull filgħodu biex allegatamet jagħmel off-roading.

L-aktar tħassib tagħhom kien li hekk kif fl-aħħar jiem pajjiżna kellu ġranet sbieħ, diversi persuni għażlu li jinżlu bit-tfal tagħhom żgħar fuq il-bajja.

Is-sewwieq allegatament ma kienx qiegħed jagħti każ tat-tfal jilgħabu fuq il-bajja u jibqa’ dieħla sparat sa taħt in-Nadur bit-trakk tiegħu.Taħt in-Nadur ftit li xejn ikun hemm nies matul il-ġranet tax-xitwa.

Talk.mt għamel kuntatt mas-Sindku tax-Xagħra Dr Christian Zammit li mill-ewwel talabna biex jekk għadna xi informazzjoni u evidenza ngħadduha mill-ewwel lilu jew lill-awtoritajiet.

Is-Sindku ma’ dan is-sit qal “nikkundanna bla riservi dan l-aġir illegali. Nittama li l-Pulizija tieħu l-passi kriminali fil-konfront tas-sewwieq. Ir-Ramla l-Ħamra hija Sit tan-Natura 2000 u trid tiġi protetta b’kull mod posibbli.”

Min-naħa ta’ talk.mt għaddejja l-informazzjoni kollha li kellna għad-diżpożizzjoni tagħna fosthom anke n-numru tal-vettura li allegatament hija involuta f’dan il-każ.

Dr Zammit informa lil talk.mt li kien qiegħed idaħħal rapport uffiċjali mal-pulizija bl-informazzjoni kollha disponibbli għalih biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinvestigaw il-każ.

Is-Sindku tax-Xagħra nsista li kull każ li jasal għandu jieħu azzjoni mill-ewwel u jekk ikun hemm bżonn anke jinforma lil awtoritajiet konċernati.

Sorsi qrib sew il-Korp tal-Pulizija qalu lil talk.mt li hekk kif is-Sindku daħħal ir-rapport mill-ewwel bdiet it-tfittxija għas-sewwieq.

Ekonomija

Sport