Friday, December 13, 2024

Raġel isofri ġrieħi gravi wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina fi stabbiliment f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Tliet persuni ddaħħlu l-isptar wara li lbieraħ, għall-ħabta tal-10:30pm, seħħet ġlieda fi stabbiliment fi Triq il-Wilġa (kantuniera ma’ Triq id-Dragunara), San Ġiljan.

Il-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit (R.I.U) marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li raġel ta’ nazzjonalità Spanjola, daħal fl-istabbiliment, qabad sikkina u flixkun tal-ħġieġ li kienu fuq mejda u beda jaggredixxi lin-nies li kien hemm ġewwa.

Meta l-pulizija waslu fuq il-post ftit minuti wara, huma sabu lir-raġel, iżda kif kienu se jarrestawh, huwa ma bediex jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra kien aggressiv fil-konfront tagħhom. Minħabba f’hekk, il-Pulizija kellha tuża t-taser sabiex ir-raġel jiġi kkontrollat u mrażżan. Wara li ġie arrestat, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni.

Minn iżjed investigazzjonijiet illi saru rriżulta li, l-aggressur, qabel daħal fl-istabbiliment, għamel ħsara fuq vettura Ford Focus li kienet qed tinstaq minn Pakistan ta’ 28 sena. Ix-xufier ma weġġax.

Tim mediku ta l-assistenza tiegħu lil tliet persuni – raġel mill-Iżvizzera u żewġt irġiel Taljani li sofrew ġrieħi kawża ta’ daqqiet mis-sikkina u l-flixkun li qalgħu mill-aggressur – sakemm setgħu jittieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura permezz ta’ ambulanza li ssejħet fil-post. Iżjed tard l-Iżvizzeru ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li t-Taljani ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief. 

Bil-każ ġie infurmat l-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport