Raġel ta’ 41 sena residenti Ħal-Qormi qiegħed isofri minn ġrieħi serji wara inċident li seħħ għall-ħabta ta’ 12.00pm, fi Triq il-Mitħna, Ħaż-Żebbuġ.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li waqt li r-raġel kien qiegħed isuq vann Ford Transit, għal xi raġuni l-batterija tal-vettura ħadet in-nar, bil-konsegwenza li n-nar infirex fil-vettura, li wassal biex is-sewwieq tilef il-kontroll u ħabat f’parapett ta’ residenza privata.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jassistu. Ir-raġel ittieħed l-isptar permezz ta’ ambulanza fejn aktar tard ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Dr Renata Farruġia LL.D li fetħet inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
