Saturday, November 23, 2024

Raġel jammetti li seraq tiżjin tal-Milied u wettaq abbuż verbali fuq mara

Aqra wkoll

Żvediż ta’ 40 sena residenti l-Mellieħa ngħata l-libertà kkundizzjonata wara li ammetta li seraq tiżjin tal-Milied u wettaq abbuż verbali fuq mara aktar kmieni x-xahar li għadda.

Ir-raġel tressaq il-Qorti kważi xahar wara l-allegati reati, minħabba li kien qed jingħata trattament psikjatriku fl-Isptar Monte Carmeli. Huwa kien akkużat li fid-9 ta’ Diċembru li għadda insulenta u hedded mara u li kiser il-paċi pubblika f’ħanut fil-Mellieħa.

Ir-raġel ġie mixli wkoll li fil-lejl ta’ wara seraq tiżjin tal-Milied li kienu tpoġġew mill-kunsill lokali u li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija. Mal-arrest tiegħu, huwa ġie riferut għall-kura psikjatrika f’Monte Carmeli u tressaq il-Qorti wara li ġie rilaxxat mill-istess sptar.

L-Avukat Joe Brincat, li deher għar-raġel, iddeskriva l-klijent tiegħu bħala “ġentlom” filwaqt li informa lill-Qorti li l-imputat, li jaħdem bħala traduttur kien se jwieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Dr Brincat qal ukoll li l-imputat kien ikkopera mal-pulizija fl-investigazzjonijiet.

Il-Qorti semgħet kif għal perjodu ta’ żmien, l-imputat kien ħabib tal-mara, li għandha ħanut ħdejn id-dar tiegħu u li spiss kienu jikkomunikaw flimkien.

Madankollu, fit-8 ta’ Diċembru seħħ inċident li matulu kien “xi kliem fil-konfront tagħha”, qal l-Ispettur Warren Galea.

Il-Qorti, sabet lir-raġel ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u lliberatu bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien 12-il xahar. Il-Qorti imponiet garanzija personali ta’ €1,000 għall-istess perjodu, sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-mara.

Sport