Sunday, December 22, 2024

Raġel jammetti li ta fastidju lis-sieħba u li ħebb għal missierha

Aqra wkoll

Raġel ta’ 30 sena minn Bormla ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta lista sħiħa ta’ akkużi relatati ma’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu, fost l-oħrajn. Fil-Qorti nstema’ li r-raġel l-Erbgħa filgħodu kien mar ħdejn id-dar tas-sieħba f’Raħal Ġdid, u ta daqqa ta’ sieq fuq il-bieb ta’ barra.

Ir-raġel ġie mixli wkoll li ħebb għal missier is-sieħba, meta dan mar biex jiftaħ il-bieb. Fil-Qorti instema’ wkoll li huwa allegatament ħebb għal żewġ pulizija li marru fuq il-post sabiex jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Ir-raġel ta’ 30 sena ammetta wkoll li kiser il-provedimenti ta’ sentenza sospiża li ngħata f’Settembru li għadda u ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb, li dehru għar-raġel, talbu sabiex ir-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest. Fid-dawl tal-koperazzjoni tiegħu mal-Pulizija u l-ammissjoni tiegħu, il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba.

Il-Qorti ordnat li jsir pre-sentencing report u ddifferiet il-kawża għas-sentena għal nhar it-Tlieta li ġej. Sadanittant, ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 u kien ordnat jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.

Ekonomija

Sport