Saturday, October 26, 2024

Raġel jinbeżaq minn fuq rollercoaster waqt ġirja 

Aqra wkoll

Passiġġieri ħafna minnhom tfal li kienu qed jieħdu dawra b’rollercoaster għaddew minn mumenti tal-biża meta quddiem għajnejhom raw raġel jinbeżaq minn fuq l-istess rollercoaster. F’dawk il-mumenti, ħafna nies inħakmu minn paniku u bdew jgħajtu biex ir-rollercoaster titwaqqaf mill-ġirja li kienet qed tieħu. 

Dan l-inċident seħħ fil-park tad-divertiment Oakwood f’Pembrokeshire fil-Lbiċ ta’ Wales ftit wara li l-ġirja nbdiet.

Koppja li kienu bilqiegħda ma binthom ċkejkna fuq in-naħa ta’ quddiem tar-rikba rrakkuntaw li semgħu għajjat tal-biża u meta ħarsu lura raw it-tarf ta’ wara tar-rollercoaster ‘jiżżerżaq u miegħu jiżżerżqu passiġġieri ‘l barra mill-binarju. Raw ukoll tifla f’diffikultà kbira tibki waqt li kienet f’ livell għoli.

L-għajjat biex ir-rikba titwaqqaf ħoloq paniku fost l-istaff li kien jidher ċar li qed isibha diffiċċli biex iwaqqafha. Fortunatament, il-ġirja twaqqfet wara ftit u l-passiġġieri kollha ġew evakwati.

Passiġġier li kien riekeb ukoll fakkar li ra mowbajl u flip flop fuq il-ħaxix sinjal li xi ħadd kien waqa’ minn fuq ir-rikba.

Huwa rrakkonta li hekk kif mar iġib il-basket tiegħu ra raġel ‘mimdud wiċċu l-isfel’ b’membru tal-istaff ta’ Oakwood u paramediku ħdejh.

Ir-raġel deher li ma kienx qed jiċċaqlaq imma aktar tard sar magħruf li kien f’sensih u qed jitkellem.

Il-Wales Air Ambulance issejħu fil-park tad-divertiment biex jagħtu l-ewwel għajnuna li dawk li setgħu kienu midrubin. Persuna ttieħdet l-isptar b’urġenza 

L-Oakwood Theme Park kien infetaħ lejn l-aħħar tas-snin tmenin u huwa negozju ta’ familja.

L-aġenzija Eżekuttiva tas-Saħħa u s-Sigurtà (HSE) filwaqt li ma tagħatx wisq dettalji dwar l-inċident, ikkonfermat li ġew infurmati bl-inċident li kien jinvolvi membru tal-pubbliku.

Kelliem għall-HSE qal li l-aġenzija qed tinvestiga u li kienet għaddejja inkjesti flimkien mal-pulizija.

Min-naħa tagħha, Oakwood Theme Park ħarġet stqarrija li kienet tgħid li bħala riżultat ta’ inċident il-park ingħalaq għall-pubbliku b’effett immedjat.

Il-Pulizija ta’ Dyfed Powys qalet li l-Eżekuttiv tas-Saħħa u s-Sigurtà qed imexxi l-investigazzjoni.

Sport