Taljan ta’ 41 sena residenti San Pawl il-Baħar ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li ffalsifika dokument tal-Gvern relatat ma’ licence disc ta’ vettura.
Stefano Maravigna, li jaħdem bħala disinjatur grafiku u jgħix San Pawl il-Baħar, wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih quddiem il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-maġistrat Nadine Lia Sant.
Il-Qorti semgħet kif il-pulizija waqqfet lill-akkużat waqt li kien qed isuq fi Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar, bejn is-7 u t-8 ta’ Mejju 2026. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-licence disc tal-vettura kienet skadiet f’Marzu tal-2026, iżda kien tqiegħed biċċa minn licence disc oħra fuqha biex tidher valida.
Il-Prosekuzzjoni akkużatu li ffalsifika dokument uffiċjali tal-Gvern u li għamel użu minn dokument iffalsifikat. Intqal ukoll fil-Qorti li l-akkużat ma kkontestax l-arrest tiegħu.
Wara l-ammissjoni tiegħu, il-Qorti sabet lil Maravigna ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Barra minn hekk, il-Qorti ssospendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal xahar.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Cheyenne Mangion filwaqt li l-avukata Yanika Barbara dehret għall-akkużat.


