Sunday, May 10, 2026

Imkien M’Huwa Inqas Minn Bnadi Oħra !

Jikteb Alex Agius Saliba - MEP u Deputat Mexxej tal-PL

Aqra wkoll

Fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew kemm-il darba tkellimt dwar l-iżvantaġġ li jsofri pajjiżna minħabba li aħna gżira.  Minbarra n-nefqa ikbar fuq trasport sabiex nimportaw u nesportaw il-prodotti, id-daqs ċkejken jista’ jwassal għal opportunitajiet inqas ta’ xogħol f’oqsma li jeħtieġu popolazzjoni imdaqqsa biex ikunu vijabbli.  L-istess jgħodd għal Għawdex f’pajjiżna.  L-Għawdxin isofru żvantaġġ meta mqabbla mal-Maltin, fuq kollox għaliex iridu bilfors jiġu Malta għal uħud mill-ħtiġijiet. 

Il-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar tlettax-il sena kien ferm konxju minn dawn l-iżvantaġġi u wettaq ħidma ħabrieka biex jgħin lill-Għawdxin ilaħħqu mal-ħajja u jgawdu daqs il-Maltin mit-tkattir ekonomiku ta’ pajjiżna. Investa fit-toroq, bħal dik li tagħti għall-Marsalforn u l-bypass tar-Rabat.  Bena l-faċilità tal-park and ride f’Ta’ Xħajma sabiex itaffi l-konfużjoni u n-nuqqas ta’ parkeġġ fl-Imġarr.  Fl-istess post ġie mwettaq ukoll proġett innovattiv fejn ġew imwaħħla 15-il ‘fjura solari’, pannelli foto-voltajċi bi xbiha ta’ fjura li jiġġeneraw 40% iktar dawl meta mqabbla ma’ pannelli tradizzjonali.  Bena mekka tal-innovazzjoni fix-Xewkija, djar għall-anzjani f’Għajnsielem u r-Rabat Għawdex u paviljun għall-isports fir-Rabat Għawdex.  Żied l-investiment fit-turiżmu u l-inċentivi għal min iħaddem.  Fuq kollox, ħadem sabiex itaffi l-iskariġġ tal-ivjaġġar bejn Malta u Għawdex permezz tat-tiġdid tal-port tal-Imġarr u t-tnedija tas-servizz tal-fast ferry bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr Għawdex.  Proprju din il-ġimgħa dan is-servizz ġie estiż b’rotot lejn tas-Sliema u Buġibba.

Iżda ma nistgħux nistrieħu fuq il-kisbiet ta’ dawn l-aħħar snin.  L-insularità t’Għawdex huwa żvantaġġ permanenti, u għalhekk jeħtieġ li l-investiment u l-għajnuna jitkomplew dejjem.  Konxju t’hekk, il-Partit Laburista niseġ pjan ta’ ħidma li bi ħsiebu iwettaq jekk jerġa’ jiġi elett fil-Gvern għal ħames snin oħra.  Minbarra t-tlestija tal-proġett li jinsab għaddej sabiex jiġu mtejjba mitt triq, Gvern Laburista ġdid se jkun qed iwettaq investimenti ġodda li jolqtu kull qasam tal-ħajja Għawdxija.  

It-tagħlim huwa għodda kruċjali sabiex noffru ġejjieni mill-aqwa għall-familji Għawdxin.  Proprju għalhekk, l-ewwel wegħda għal Għawdex mħabbra mill-Partit Laburista hija li jekk ikollna Gvern Laburista ieħor, matul il-ħames snin li ġejjin se nkunu qed inġeddu u insebbħu l-binjiet tal-iskejjel kollha fil-gżira tat-tliet għoljiet sabiex naraw li t-tfal Għawdxin jiġu mgħallma bl-aqwa tagħmir u f’ambjent xieraq.  

Sabiex l-ekonomija taħdem ħarir u tkompli tikber jeħtieġ li jkollna provvista tad-dawl kostanti.  Għalhekk, Gvern Laburista ġdid se jinvesti f’żewġ siti ġodda ta’ distribuzzjoni kif ukoll cable tad-dawl ieħor bejn Malta u Għawdex.  Bis-saħħa ta’ dan l-investiment se nserrħu rasna li l-provvista tkun tista’ tlaħħaq maż-żieda fil-konsum tad-dawl.

Ġaladarba l-iżvantaġġ strutturali t’Għawdex huwa mnissel mill-fatt li hija gżira, il-Partit Laburista ħejja pjan ta’ ħidma sabiex l-iskariġġ u l-piż finanzjarju tal-ivjaġġar ikompli jittaffa kemm jista’ jkun.  Gvern Laburista ġdid se jkun qed jinvesti f’vapur ieħor sabiex ikollna vjaġġi iktar sikwit bejn il-gżejjer ewlenin ta’ pajjiżna.  Minbarra hekk, dawk fostna li jivvjaġġaw bejn il-gżejjer bir-riġel se jkunu qed jagħmlu hekk mingħajr ħlas, hekk kif diġà huwa fis-seħħ għas-servizz tal-karozzi tal-linja.  B’hekk it-trasport pubbliku kollu f’pajjiżna se jkun bla ħlas għal dawk residenti f’Malta.  Gvern Laburista se jkun qed jagħti wkoll għajnuna li tlaħħaq it-€800 lill-Għawdxin li jużaw il-fast ferry sabiex jittaffa l-piż finanzjarju, l-iżjed għal dawk li jaħdmu Malta.  

Dawn il-proposti huma biss biċċa mill-proġett ta’ ħidma għal Għawdex għall-ħames snin li ġejjin; pjan imsejjes madwar mitt proposta li ilkoll għandhom l-istess ħsieb, dawk li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.  L-investiment f’Għawdex f’dawn l-aħħar snin huma xempju tal-impenn tagħna lejn il-gżira Għawdxija.  Dan l-impenn qed inġedduh u insaħħuh, għaliex il-Partit Laburista jqis l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha b’mod indaqs u mingħajr distinzjoni. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport