Kampanja edukattiva kontra sterjotipi fuq it-trobbija u r-responsabbiltajiet fil-familja
- L-ewwel strateġija dwar is-saħħa tal-mara
- Screening tas-sider b’xejn għal nisa minn 45 sena ’l fuq
F’Jum l-Omm, waqt l-attività Brunch & Discuss imtella’ mill-Partit Laburista, Dr Lydia Abela ddiskutiet ma’ diversi mistiedna u kelliema l-vjaġġ tal-omm f’kull stadju tal-ħajja.
Matul id-diskussjoni ġew trattati tliet temi ewlenin: it-tqala u t-twelid, il-proċess tat-trobbija, u li lil hinn mill-irwol tal-maternità l-omm ukoll għandha l-ħajja u l-aspirazzjonijiet tagħha.
Fl-isfond ta’ din id-diskussjoni, mart il-Prim Ministru ħabbret li Partit Laburista fil-Gvern se jniedi kampanja edukattiva fuq livell nazzjonali bil-għan li jiġu eradikati l-isterjotipi marbuta mat-trobbija tat-tfal u mat-tqassim tar-responsabbiltajiet fil-familja.
Dr Lydia Abela ħabbret ukoll li Gvern Laburista ġdid se jniedi l-ewwel strateġija dwar is-saħħa tal-mara. Din l-istrateġija għandha l-għan li tiżgura li kull mara jkollha aċċess għal servizzi tas-saħħa komprensivi u ħielsa minn kull forma ta’ preġudizzju, f’kull stadju ta’ ħajjitha.
Hija ħabbret ukoll li l-età għall-iscreening tas-sider se titbaxxa għal 45 sena, sabiex il-kanċer jinqabad kemm jista’ jkun kmieni u b’hekk tiżdied il-probabbiltà tal-fejqan. Fl-istess waqt, se jsir investiment f’magni ġodda b’aktar preċiżjoni, filwaqt li l-Unit tal-Iscreening se jiġi rilokat minn Lascaris Wharf għaċ-Ċentru Nazzjonali tal-Iscreening fil-Floriana.
Dr Abela rrimarkat li fix-xogħol tagħha tiltaqa’ ma’ ħafna ommijiet, u spjegat li minkejja li kull omm hija differenti u tgħaddi minn esperjenzi differenti, l-imħabba tibqa’ l-ħaġa komuni fost l-ommijiet kollha. Hija qalet li, minkejja li s-soċjetà tinbidel u ċ-ċirkostanzi jinbidlu, il-qalb tal-omm tibqa’ dejjem hemm biex tagħti sapport u mħabba lil uliedha.
Dr Abela saħqet li lil kull omm, lil kull mara u lil kull familja, Partit Laburista fil-Gvern jibqa’ jismagħhom, jibqa’ jifhem il-bżonnijiet tagħhom u jibqa’ magħhom f’kull pass ta’ ħajjithom.
Waqt dan l-avveniment tkellmu wkoll Ruth Sciberras, omm u nanna kif ukoll Kap Eżekuttiv tas-Social Care Standards Authority u ċ-Chairperson ta Positive Parenting Malta; Eleonora Briffa Cauchi, omm u mara li taħdem għal rasha, li qasmet l-esperjenza tagħha dwar l-għajnuna li jagħti l-Gvern biex jgħin lill-koppji jsiru ġenituri, kif ukoll diversi persuni mill-udjenza.
Min-naħa tagħha Eleonora Briffa Cauchi spjegat kif saret omm permezz tal-IVF f’pajjiżna stess. “Grazzi lill-Gvern u lill-Prim Ministru li sema’ lilna, għax l-IVF tħalli impatt kbir emozzjonalment, fiżikament u finanzjarjament, illi tana lura l-flus tal-mediċina,” sostniet is-Sa Briffa Cauchi. Faħħret ukoll l-inizjattiva li issa ġenituri prospettivi li jaħdmu għal rashom u li għaddejjin mill-proċess tal-IVF issa jistgħu jgawdu wkoll minn leave għall-IVF.
Min-naħa tagħha, Ruth Sciberras, spjegat l-emozzjonijiet li tiffaċċja omm meta tkun qed tistenna tarbija u l-bżonn li l-ġenituri prospettivi jingħataw l-appoġġ. Hija għamlet referenza ukoll għall-għajnuna għal dawk li jagħżlu li jaddottaw jew jiffosterjaw tarbija. “Hemm ħafna miżuri li l-pajjiż qed jieħu sabiex nagħtu ħin ta’ kwalità lill-familja,” sostniet Ruth Sciberras. Hija rreferiet ukoll għall-Positive Parenting Malta fejn joffru sapport u servizz terapewtiku b’xejn lill-ġenituri. Sciberras semmiet l-importanza li jkompli jiżdied l-għarfien kontra sterjotipi fuq it-trobbija u r-responsabbiltajiet fil-familja.
Fost l-interventi minn fost l-udjenza kien hemm dak ta’ Winifred Buhagiar, li tkellmet dwar l-importanza li jkompli jissaħħaħ is-sostenn u l-għajnuna lill-ġenituri mhux biss waqt it-tqala, iżda wkoll wara t-twelid, fosthom permezz tal-NPICU leave, li bħalissa għaddejja diskussjoni dwarha. Pamela Schembri tkellmet dwar il-fatt li mhux kull esperjenza ta’ maternità tibda bit-tqala, iżda hemm ukoll min jagħżel li jiffosterja jew jaddotta. Veronica Farrugia qasmet ukoll l-esperjenza tagħha dwar ir-rwol tan-nanna u dak li tagħti n-nanna lit-tfal u lill-familja.


