Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela sostna li fl-elezzjoni l-poplu għandu għażla ċara dwar lil min jafda biex imexxi lill-pajjiż ’il quddiem fl-ekonomija, fil-finanzi, fl-enerġija u fit-twettiq ta’ proġetti nazzjonali. Huwa qal li l-għażla hija wkoll ċara dwar min jista’ jkompli jgħin lill-familji, lin-negozji u lill-ulied mit-twelid. Appella lill-poplu biex jagħżel bejn it-tim tal-Moviment Laburista li għandu l-esperjenza, il-kredibbiltà u l-kapaċità li jkompli jwettaq u t-tim tal-Partit Nazzjonalista.
F’mass meeting fil-Kottonera, Dr Abela sostna li l-Gvern Laburista huwa l-uniku moviment li jista’ joffri stabbiltà, protezzjoni u viżjoni fit-tul għal pajjiżna. Huwa elenka sensiela ta’ proposti mmirati biex ikomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Saħaq li fl-aħħar ġimagħtejn il-Partit Laburista ħabbar proposti konkreti għal kulħadd – għaż-żgħażagħ, l-istudenti, it-tfal, il-familji, il-persuni single, in-negozji, is-self-employed u l-pensjonanti.
Il-Prim Minsitru qal li dawn il-proposti huma kollha mibnija fuq ekonomija b’saħħitha li kapaċi tkompli toħloq ix-xogħol u tassigura sigurtà u stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Qal li filwaqt li l-Gvern Laburista qed iressaq proposti costed u kredibbli, il-PN qed jibqa’ jwiegħed mingħajr direzzjoni ċara u b’konfużjoni fuq temi kruċjali bħall-enerġija u l-finanzi tal-pajjiż.
Fost il-miżuri ewlenin imħabbra hemm l-ewwel €30,000 ħielsa mit-taxxa għal żgħażagħ li jibdew jaħdmu full-time jew jiftħu negozju, iż-żieda fil-maternity u paternity leave, sitt xhur ġodda parental leave, super bonus ta’ €1,000 fis-sena mhux taxxabbli għal kull min jaħdem, tnaqqis fil-bolla għas-self-employed, €5,000 biex iż-żgħażagħ ikomplu jitħarrġu wara l-istudji, kif ukoll birth bonus ta’ €5,000 għal kull wild.
Il-Prim Ministru qasam ukoll mument emozzjonanti li għex f’Għawdex meta omm resqet għandu b’tarbija mwielda permezz tal-IVF bil-PGTM li ġie introdott fl-2022. Dr Abela qal li dan il-mument tah iktar saħħa u determinazzjoni biex ikompli jaħdem favur il-familji Maltin u Għawdxin.
Dr Abela ħabbar ukoll li fil-ġimgħa li ġejja se jiġi ffirmat il-kuntratt biex Manoel Island u Forti Tigné jerġgħu jingħataw lura lin-nies, filwaqt li sostna li dawn huma proġetti konkreti li qed jitwettqu b’viżjoni ċara u mhux politika tal-irkant. Huwa sostna li l-Partit Laburista qed joffri politika li twieżen, mibnija fuq kredibbiltà u responsabbiltà ekonomika.
Indirizza l-mass meeting ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Thomas Bajada, li saħaq kif wasal iż-żmien biex Malta tagħmel pass ta’ ġgant lejn kapitlu ġdid mibni mhux biss fuq tkabbir ekonomiku, iżda fuq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
Bajada sostna li l-għażla quddiem il-pajjiż hija waħda ċara. Dik li Malta tibqa’ timxi ’l quddiem b’viżjoni kredibbli, kontinwità u tmexxija soda taħt il-Prim Ministru Robert Abela, sabiex jinbena futur fejn ħadd ma jitħalla lura u fejn il-progress jinħass fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji Maltin u Għawdxin.


