Il-club ta’ Valletta qed jitlob lill-MFA biex tiftaħ investigazzjoni dwar l-imġieba xejn xierqa tal-player ta’ Floriana, Paul Mbong, wara li f’partita mill-Final Four, il-Greens għelbu lill-Beltin 3-1 bil-penalties wara li spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals.
Valletta FC ikkundannaw bl-aktar mod qawwi l-kummenti offensivi u dispreġġattivi diretti lejn il-partitarji kif imxandar b’mod ċar fuq l-istazzjon nazzjonali minn dan il-player.
Fi stqarrija l-club qal: “Il-football huwa mibni fuq il-passjoni u r-rivalità. Madankollu, qatt ma jista’ jkun hemm lok għal imġieba li turi disprezz jew nuqqas ta’ rispett lejn il-partitarji – l-istess nies li jagħtu l-ħajja lil-logħba tagħna.”
“Filwaqt li l-emozzjonijiet naturalment ikunu qawwija wara logħbiet ta’ dan il-kobor, il-kummenti offensivi inkwistjoni jaqgħu ferm taħt l-istandards mistennija minn kwalunkwe player, aktar u aktar minn individwu privileġġat li jirrappreżenta lit-team nazzjonali.”
Fl-istess waqt, Valletta FC għamluha ċara li jqisu din l-azzjoni u r-responsabbiltà tal-individwu konċernat u ma jassoċjawx dawn l-azzjonijiet mal-club tiegħu.
Għaldaqstant huma appellaw lill-Malta FA biex tinvestiga l-kwistjoni u tieħu kwalunkwe passi li tqis xierqa sabiex tissalvagwardja l-valuri tar-rispett u l-ispirtu sportiv li l-football irid ikompli jsostni.
Valletta esprimew l-apprezzament tagħhom għat-team tar-referees immexxi mis-Sur Slobodan Petrovic, li t-tmexxija tiegħu ta’ logħba intensa u mimlija emozzjoni kienet ta’ livell eċċellenti matul il-logħba kollha.
Valletta kkonkludew li: “Il-partitarji tagħna jistħoqqilhom kull rispett. Dejjem.”


