Raġel ta’ 40 sena residenti s-Swieqi baqa’ jinżamm arrestat wara li nhar il-Ħadd ġie mixli li kiser żewġ ordnijiet ta’ protezzjoni mill-Qorti fil-konfront ta’ omm bintu, probation, u kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħataw is-sena li għaddiet għal każi separati.
Wieħed mill-każi jinvolvi allegat ta’ stupru fuq tifla ta’ 14-il sena.
Hekk kif bdiet is-seduta, l-imputat ammetta l-akkużi kontrih, iżda ġie mwissi mill-Maġistrat Kevan Azzopardi li f’każ ta’ ammissjoni jista’ jiġi kkundannat sa sentejn ħabs kif ukoll telf tad-depożitu. Wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu, l-imputat biddel fehemtu u rtira l-ammissjoni.
L-Avukat Charles Mercieca li kien qiegħed jidher għall-imputat għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda din it-talba sabet oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni. L-Ispettur Prosekutur qal li qiegħed joġġezzjona minħabba l-affidabbiltà tal-akkużat u l-biża’ li ma jobdix il-kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest minħabba li kisirhom u huwa reċediv.
Qal li l-imputat nqabad fuq filmati tas-sigurtà jgħaddi minn quddiem ir-residenza tal-mara bil-vettura tiegħu tliet darbiet.
Min-naħa tagħha d-difiża qalet li l-ħabs mhux se jsolvi l-problemi li għandu l-imputat u l-Qorti ma tistax toqgħod fuq allegazzjonijiet li m’humiex ppruvati.
L-Avukat Mercieca qal ukoll li l-imputat lest joqgħod għall-programm tat-trattament li jkun stabbilit mill-professjonist inkarigat minnu. Qal ukoll li veru kien hemm ksur tal-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-qorti, imma l-imputat u l-allegat vittma ltaqgħu fil-bini tal-Qorti.
Il-Maġistrat qal li meta jqis iċ-ċirkostanzi kollha, il-Qorti “tqis il-każ bħala wieħed li trid timxi miegħu b’kawtela, partikolarment biex ikun aċċertat li jitħarsu wkoll id-drittijiet tal-vittmi.”
Il-Qorti qalet li għandha dubji dwar l-affidabbiltà tal-imputat, u għaldaqstant se tkun qed tiċħad t-talba tal-akkużat għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Huma ġie mwissi li ma jistax isegwi lill-vittma, jew jersaq lejn il-post fejn tgħix jew taħdem.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Antonello Magri u mill-Ispettur Wayne Buhagiet. Isem l-akkużat ma ġiex ippubblikat biex tkun imħarsa l-identità ta’ bintu minuri.