Raġel ta’ madwar 24 sena kellu jiddaħal l-Isptar wara li għall-ħabta tas-1.50pm kien involut f’inċident fis-Swatar.
Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li r-raġel kien qiegħed jagħmel xi xogħol b’cherry picker fi Triq Dun Vinċenz Saliba liema triq tiġi kantuniera ma’ Triq il-Qattus meta għal xi raġuni għeleb u serraħ mal-ħajt tal-faċċata.
Fuq il-post marru Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li għenu lir-raġel jinħareġ miċ-cherry picker. Mar ukoll tim mediku b’ambulanza mill-Isptar Mater Dei li wara li taw l-ewwel għajnuna lir-raġel ittieħed l-isptar għal aktar kura.
Għalkemm il-kundizzjoni tiegħu s’issa għadha mhix magħrufa, jidher li hu eskluż li jinsab fil-periklu tal-mewt, tant li jidher li sofra xi ġrif f’waħda minn idu.
Il-pulizija qegħdin jinvestigaw dan il-każ.