Sunday, December 22, 2024

Raġel li hu akkużat li spara u qatel flamingo protett jingħata l-libertà proviżorja

Aqra wkoll

Raġel mill-Mosta tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li spara u qatel flamingo fin-Naxxar.

L-Ispettur Elliot Magro li qiegħed imexxi l-prosekuzzjoni akkuża lil Carl Sant ta’ 31 sena li b’kaċċa ta’ speċi ta’ għasfur protett u li kellu fil-pussess karkassa ta’ speċi protetta u li ma kellux permess biex iżomm l-istess flamingo. Hu kien akkużat ukoll b’numru ta’ ksur tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fl-1 ta’ Novembru li għadda għall-ħabta tad-9.00am il-pulizija rċivew telefonata minn xhud li qal li ra flamingo jinqatel fiż-żona ta’ Qalet Marku li jinsab ftit ‘il barra min-Naxxar.

Uffiċjali tal-pulizija marru fuq il-post fejn il-persuna li għamlet ir-rapport għaddiet filmat li fih kien hemm jidher l-akkużat jispara lejn il-flamingo, imur jiġbor il-karkassa tiegħu, u jitlaq minn fuq il-post permezz ta’ karozza.

San wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

L-avukati difensuri Franco Debono u Alex Miruzzi qalu li l-filmat juri biss l-flamingo jtir u fl-ebda ħin ma jidher l-akkużat kif kien qed jiġi allegat. Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest liema talba sabet oppożizzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni l-aktar minħabba n-natura tal-każ.

Il-Maġistrat Marseanne Farrugia laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Ekonomija

Sport