Saturday, December 14, 2024

Raġel li nqabad jgħix Malta illegalment mixli li hedded lill-pulizija

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif raġel li nstab li kien qed jgħix Malta illegalment spiċċa fl-inkwiet wara li kien aggressiv meta kien qed jinżamm taħt il-kustodja tal-pulizija.

Bakary Fatty, ta’ 28 sena mill-Gambja kien qed jinżamm arrestat fil-lock up tal-Floriana aktar kmieni dan ix-xahar wara li l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni sabu li mhux suppost kien qed jirrisjedi f’Malta. 

Il-każ seħħ nhar il-5 ta’ Novembru, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, wara li xi uffiċjali tal-pulizija nnutawh mitluf minn sensieh waqt li kien arrestat. Ġara iżda li hekk kif l-uffiċjali daħlu fiċ-ċella, ir-raġel allegatament qabeż fuqhom u sar aggressiv. 

Intqal li l-pulizija kellhom jużaw it-taser biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Wara dak l-inċident, ir-raġel ġie skortat lejn Monte Carmeli fejn inżamm taħt osservazzjoni u kien irrilaxxat matul il-jum tat-Tnejn. 

Wara li kisbet mandat ta’ arrest ġdid, il-pulizija ressqitu fil-Qorti u xlietu li insulta u hedded lill-uffiċjali, li rreżistiehom b’mod vjolenti u kkawżalhom ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bit-talba għall-ħelsien mill-arrest tiġi miċħuda mill-Qorti fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ u n-natura tal-akkużi. Għaldaqstant huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Gabriel Micallef u Kevin Pulis mentri l-Avukat Mattia Felice dehret għall-imputat. 

Ekonomija

Sport