Sunday, December 29, 2024

Raġel maqtul f’Paceville b’daqqiet ta’ sikkina ma kienx qed jieħu nifs fil-ħin li nstab

Ikompli l-każ dwar il-qtil ta’ Joseff Rivas

Aqra wkoll

Raġel li qala’ 28 daqqa’ ta’ sikkina f’Paceville nstab mixħut mal-art wiċċu ‘l fuq quddiem ħanut tal-pastizzi u ma kienx qed jieħu nifs. Kien it-Tabib tal-emerġenza Michael Spiteri li xehed dan meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra r-Rumeni Ilie Constantin ta’ 31 sena, Ionut Iulian Tanase ta’ 35 sena u Dan Andrei Tanase ta’ 32 sena, li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Joseff Rivas.

Ix-xhud beda biex spjega li fil-5 ta’ Diċembru 2022, għall-ħabta tat-3.26 p.m., daħlet telefonata fil-control room tal-emerġenza li kien hemm persuna li qala’ daqqiet ta’ sikkina. F’temp ta’ ftit minuti, tim mediku mar fi Triq Ross, fejn sabu raġel mal-art li ma kienx qed juri sinjali ta’ ħajja. 

Huma għamlulu CPR u wara l-vittma ttieħed minnufih lejn l-Isptar Mater Dei b’ambulanza iżda sfortunatament tilef ħajtu ftit tal-ħin wara. “L-għan tagħna kien li nipprovaw inqajmu lill-pazjent,” qal ix-xhud.

Waqt is-seduta tal-lum, l-espert tal-Qorti Keith Cutajar xehed dwar il-filmati tas-CCTV li kien hemm fl-akwati fejn seħħ l-inċident. Il-filmati wrew lill-imputati barra kafetterija, meta f’ħin minnhom kienu avviċinati minn gurpp ta’ “barranin” fosthom il-vittma. 

Deher li kien hemm argument verbali bejn iż-żewġ gruppi u t-tliet imputati qamu bilwieqfa u wara nqalgħet il-kommossjoni. F’dawn il-filmati, Rivas jidher ukoll jaqla’ daqqiet b’arma. Wara li seħħ il-qtil, l-imputati mbagħad qabdu taxi.

Lejn l-aħħar tas-seduta, il-Maġistrat Nadine Lia semgħet sottomissjonijiet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li dawn m’għandhomx indirizz fiss u li m’għandhom l-ebda rabtiet ma’ Malta. 

Il-Maġistrat Lia qalet li se tkun qiegħda tagħti deċiżjoni aktar ‘il quddiem wara li d-difiża tippreżenta d-dokumenti li juri li l-akkużati kellhom ftehim ta’ kirja f’idejhom.

Il-każ ikompli f’Ġunju.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonnet u Darlene Grima flimkien mal-Ispettur Kurt Zahra. Għall-imputati qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Charmaine Cherrett, Arthur Azzopardi u Jacob Magri. 

Ekonomija

Sport