Friday, May 3, 2024

Jirritorna l-Malta International Airshow f’Settembru li ġej

Aqra wkoll

Il-Malta International Airshow ta’ din is-sena ser isir bejn it-23 u l-24 ta’ Settembru. Dan l-avveniment mistenni jibda b’show statiku fl-ajruport ta’ Ħal Luqa u jilħaq il-qofol tiegħu max-xatt tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar. 

Għal dan l-avvenimenti ta’ avjazzjoni ser jieħdu sehem it-tim nazzjonali Żvizzeru tal-wiri tal-ajru Patrouille Suisse, kif ukoll il-Flying Bulls Display u r-Red Arrows li mistennija jkunu l-attrazzjoni ewlenija tal-programm ta’ din is-sena. 

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef, u l-President tal-Malta Aviation Society Massimo Farrugia. 

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li l-Malta International Airshow minn dejjem kienet popolari kemm mad-dilettanti tal-avjazzjoni Maltin iżda wkoll mat-turisti li jiġu jżuru pajjiżna matul ix-xahar ta’ Settembru. “Dan l-airshow huwa timbru li juri kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tassisti u tinċentiva varjetà ta’ avvenimenti li huma mmirati li jolqtu kull tip ta’ faxxa u età b’mod ġenerali,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo. 

Il-Kap Eżekuttiv Carlo Micallef saħaq li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ser tkompli tkun proattiva li tassisti b’mod kontinwu avvenimenti diversifikati bil-għan li l-gżejjer Maltin ikomplu jkunu destinazzjoni attraenti matul is-sena kollha. 

Il-President tal-Malta Aviation Society Massimo Farrugia qal li l-aspettattivi għax-show ta’ din is-sena huma pożittivi ferm tant li jawguraw tajjeb għall-esperjenza tat-turisti li jiġu jaraw l-airshow.

Sport