Żagħżugħa mixlija li ħebbet għal uffiċjali li waqqfuha wara li bdiet issuq b’mod perikoluż

0
442

Żagħżugħa ta’ 20 sena minn Bormla kienet mixlija li ħebbet għal uffiċjali li kienu waqqfuha wara li nnutawha ssuq b’mod perikoluż.

L-imputata tressqet quddiem il-Maġistrat Nadine Lia mixlija li hedded u nsultat uffiċjal tal-pulizija u uffiċjal ta’ Transport Malta, li rreżistiet bi vjolenza lill-pulizija u li saqet mingħajr liċenzja fost oħrajn. Hija kienet mixlija li kellha fil-pussess tagħha d-droga ecstasy.

L-Ispettur Paul Camilleri, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, spjega kif it-Tlieta filgħaxija, l-uffiċjali nnutaw vettura Toyota Corolla tinstaq b’manjiera perikoluża fl-Ħamrun. 

Is-sewwieqa tal-vettura, l-imputata, kienet injorat l-ordnijiet biex tieqaf u baqgħet għaddejja iżda twaqqfet ftit minuti wara. Intqal li l-imputata allegatament irreżistiet l-arrest u l-uffiċjali sofrew xi ġrieħi. 

Minn tfittxija li saret fil-vettura ma nstab xejn ta’ interess għall-uffiċjali iżda minn tfittxija fir-residenza tagħha nstabu tmien pilloli ecstasy. 

FIl-Qorti, hija wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha u ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €2,000. 

L-Avukati David Gatt u John Bonello dehru għall-imputata.