Raġel ta’ 43 sena minn Ħal Qormi, li jaħdem bħala burdnar, ingħata probation ta’ tliet snin u ordni ta’ trażżin wara li tressaq il-Qorti fuq każ ta’ vjolenza domestika kontra l-eks sieħba tiegħu, omm ibnu minuri.
Il-każ ħareġ minn inċident li seħħ fis-6 ta’ April għall-ħabta tat-3:00 ta’ filgħodu, meta l-pulizija tad-distrett ġew imsejħa f’residenza fis-Siġġiewi wara rapport ta’ argument domestiku.
Fil-Qorti rriżulta li r-raġel daħal fil-komun tal-blokk permezz ta’ ċavetta, baqa’ tiela’ fuq il-bejt u qabeż mit-tieqa biex jidħol fid-dar tal-eks sieħba tiegħu minkejja li kienu għamlithielu ċara li ma kienx milqugħ ġewwa.
Il-koppja kienet ilha flimkien madwar tmien snin u għandhom tifel ta’ sena u ftit xhur.
Il-Qorti semgħet ukoll dwar inċident ieħor li seħħ aktar kmieni f’April, meta waqt li kienu flimkien fis-Siġġiewi, it-tifel waqqa’ iPad li kien għadu kif xtralu missieru u kissru. L-Ispettur Christian Cauchi, li mexxa l-prosekuzzjoni, qal li dan wassal biex l-imputat “żbroffa”.
Wara l-arrest tiegħu, il-pulizija elevaw disa’ armi li kienu rreġistrati fuq ismu.
Il-vittma allegat li r-raġel għandu problema ta’ kokaina, iżda l-imputat ċaħad li jagħmel użu frekwenti mid-droga u qal li “kienet ħaġa ta’ darba fil”.
Ġew allegati wkoll problemi ta’ kontroll tar-rabja.
Waqt is-seduta, il-Maġistrat Kevan Azzopardi esprima tħassib dwar in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet meta jiġu imposti ordnijiet ta’ trażżin, b’mod partikolari f’każijiet fejn hemm tfal involuti.
Huwa staqsa kif jista’ jsir l-aċċess tat-tifel għall-missier meta l-ġenituri ma jistgħux jersqu lejn xulxin.
L-ispettur irrefera għal servizzi bħal Aġenzija Appoġġ u s-CPS, iżda qal li ma setax jitkellem f’isimhom dwar x’joffru.
Il-Maġistrat insista li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet ikunu infurmati aħjar sabiex l-ordnijiet tal-Qorti jkunu effettivi fil-prattika, u enfasizza li t-tfal m’għandhomx ibatu mill-konsegwenzi tal-kunflitti bejn il-ġenituri.
Min-naħa tagħha, id-difiża mmexxija mill-avukat Rachel Tua ċaħdet li l-imputat għandu problemi ta’ rabja jew li hemm bżonn ta’ superviżjoni relatata ma’ użu tad-droga.
Ġie argumentat li matul ir-relazzjoni ta’ tmien snin qatt ma saru allegazzjonijiet simili.
Id-difiża qalet ukoll li r-rapporti tas-servizzi soċjali jistgħu jkunu żbilanċjati għax ikunu bbażati biss fuq il-verżjoni tal-allegata vittma.
L-avukat sostniet ukoll li l-imputat kien jipprovdi għall-eks sieħba tiegħu, inkluż li għen biex ifornilha d-dar u xtralha karozza.
Il-Qorti sabet lill-imputat ħati u kkundannatu għal probation ta’ sentejn, multa ta’ €250 u garanzija personali ta’ €1,000.
Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin biex tipproteġi lill-vittma u l-familja tagħha.

