Leon Caruana ta’ 41 sena minn Birżebbuga ġie akkużat li qata’ u seraq wires ta’ kumpanija tat-telekomunikazzjoni.
Ir-raġel fil-Qorti filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih qal li hu ma kien qiegħed jagħmel xejn ħażin, anzi kien qed jirranġa l-wires biex ma jweġġa’ ħadd magħhom.
Iżda l-Ispettur Doriette Cuschieri li qed tmexxi l-prosekuzzjoni qalet li Caruana kien qed iqaxxar il-wires biex jieħu r-ramm u jbiegħu.
Fil-bidu d-difiża m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li meta l-Qorti staqsiet lil Caruana fejn jgħix hu wieġeb li m’għandux indirizz fiss.
Ftit tal-ħin wara Caruana ċempel lil ommu biex jara jekk jistax imur jgħix magħha u meta din qaltlu li jista’ jmur id-dar, id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Monica Vella filwaqt li laqgħet it-talba biex jinħeles poġitu taħt diveri kundizzjonijiet u jekk jikser xi waħda minnhom ikollu jħallas €1,000.
Fost il-kundizzjonijiet li għandu mposti fuqu hemm li ma jsifirx, li ma jkellimx xhieda tal-pulizija, li jrid jattendi s-seduti kollha u li iffirma darba fil-ġimgha fl-għassa ta’ Birżebbuġa u li jibqa’ d dar mal-lejl.