Wednesday, July 24, 2024

Raġel mixli li abbuża miż-żewġt uliedu bniet

… Martu akkużata li pprovat tgħattilu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena mill-Imtarfa tressaq il-Qorti mixli li kkorrompa u wettaq atti ta’ natura sesswali fuq iż-żewġt uliedu bniet – reati li allegatament kien ilhom iseħħu għal diversi snin. L-allegati vittmi llum għandhom 13 u 18-il sena.

Fil-Qorti ħareġ li s-Sibt li għadda, fl-Għassa tar-Rabat daħlet tifla, akkumpanjata minn mara, li allegat li għal dawn l-aħħar snin kienet qiegħda tiġi abbużata minn missierha.

Mal-Pulizija, it-tifla qalet li ommha kienet konxja ta’ dak li kien qed jiġri u għal diversi drabi, l-omm allegatament qaltilha sabiex ma titkellem ma’ ħadd, lanqas mal-awtoritajiet. It-tifla allegat ukoll li oħtha hi wkoll vittma u kienet għaddejja wkoll mill-istess allegat abbuż.

Ingħad li l-pulizija tkellmet mat-tifla fil-preżenza ta’ rappreżentant taċ-Child Protection Unit. Fil-Qorti, il-missier wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti. 

Sadanittant, il-Pulizija xliet lil omm ta’ 42 sena mill-Imtarfa u wieġbet mhux ħatja li għal diversi snin kienet kompliċi f’moħqrija fil-konfront taż-żewġt uliedha bniet li huma wkoll miuri.

Hija kienet akkużata wkoll li ma ħallietx liż-żewġt ibniet jagħtu tagħri lill-awtoritajiet dwar allegat abbuż li kien għaddej minn missierhom kif ukoll li naqset mir-responsabbiltajiet tagħha bħala omm. 

L-Avukat Difensur talab għall-ħelsien mill-arrest tagħha, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad baqa’ membri tal-familja li għad iridu jixhdu. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Godwin Scerri u Wayne Buhagiar.

L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia dehret għall-imputati. 

Ekonomija

Sport