Sunday, December 22, 2024

Raġel mixli li ħebb għal ħuh waqt argument dwar magna tal-leħja

Aqra wkoll

Raġel ta’ 52 sena residenti Birżebbuġa, ġie akkużat li kkawżaġrieħi gravi lil ħuh f’argument dwar magna tal-leħja. Isem ir-raġel ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni li tmexxiet mill-Avukati Etienne Savona u Jennifer Polidano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Colin Sheldon qalet quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li fl-14 ta’ dan ix-xahar, il-vittma għamel rapport fil-hub tal-vjolenza domestika f’Santa Luċija. Hu allega li ħuh kellu argument miegħu minħabba magna tal-leħja.

B’mod immedjat ġew imsejħa l-pulizija fejn ħadu lill-vittma fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Wara li ġie eżaminat hu ttieħed għal aktar osservazzjoni l-Isptar Mater Dei minħabba li qal li kellu uġigħ f’idu.

Il-Prosekutur qal li t-tobba tal-emerġenza ta’ Mater Dei informaw lill-pulizija li l-vittma kellu ksur f’subgħajh u kien qed isofri minn ġrieħi gravi. Allegatament din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat ħebb u hedded lil ħuh fejn saħansitra darba anke ntużat sikkina.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih fejn l-Avukat difensur Roberto Spiteri talab lill-Qorti biex tagħti l-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni oeġġezzjnat fuq l-argument li dan ma kienx każ iżolat bejn l-aħwa u anke minħabba li l-akkużat għandu l-vizzju tax-xorb.

Iżda l-avukat difensur qal li l-klijent tiegħu mhux riċediv filwaqt li qal li l-akkużat u anke l-vittma ma jgħixux fl-istess residenza.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jagħmilx kuntatt ma’ ħuħ, li jiffirma l-Għassa ta’ Birzebbuġa darbtejn fil-ġimgħa u jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €5,000.

Ekonomija

Sport