Sunday, November 10, 2024

Raġel mixli li mess sider mara fil-Ħamrun jinħeles mill-arrest

… l-arrest iddikjarat invalidu

Aqra wkoll

Raġel fis-sakra li s-Sibt filgħodu allegatament mess mara b’mod indiċenti li nzertat kienet għaddejja minn quddiem bar fil-Ħamrun inħeles mill-arrest wara li l-Qorti ddikjarat li l-arrest tiegħu kien invalidu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30 a.m. meta Beyene Fessahatsion Weldeabzghi, ta’ 31 sena mill-Eritrea u li jgħix f’xelter għal persuni bla saqaf fuq rashom, allegatament mess sider ta’ mara fi Triq Ħal Qormi.

Ftit wara, il-mara, li kienet akkumpanjata minn missierha, għamlet rapport l-għassa. Is-suspettat, li ngħad li kien għadu qed jixrob fil-bar, sussegwentement ġie identifikat u ġie arrestat.

Huwa tressaq il-Qorti mixli offenda l-morali pubblika billi mess lill-allegata vittma b’mpd inċidenti f’post pubbliku, li naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-pulizija u li kien fis-sakra f’post pubbliku.

Huwa kien mixli wkoll li wettaq l-allegati reati waqt it-terminu operattiv ta’ sentenza sospiża mogħtija lilu f’Awwissu li għadda.

Qabel bdiet il-kawża, l-Avukati Difensuri kkontestaw il-validità tal-arrest u argumentaw li wħud mill-akkużi kienu ta’ natura kontravenzjonali u l-ewwel akkuża kienet punibbli b’multa jew massimu ta’ tliet xhur ħabs. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innotat li l-Prosekuzzjoni ma ppreżentatx biżżejjed informazzjoni biex tikkonferma l-identità tal-imputat, billi ma ppreżentatx lanqas kopja tal-karta tal-identità tiegħu. 

Dettalji mis-sistema ta’ informazzjoni tal-pulizija ġew ippreżentati mingħajr ritratt tal-akkużat. Barra minn hekk, li joffendi l-morali jew id-diċenza pubblika kien reat punibbli b’multa jew massimu ta’ tliet xhur ħabs u ma kienx jiġġustifika li jitressaq taħt arrest. 

Il-Qorti ddikjarat l-arrest invalidu u ordnat li jingħata l-ħelsien. Ir-raġel imbagħad wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Wara li ordnat biex ma jixxandarx isem l-allegata vittma, il-Qorti bagħtet l-atti lir-Reġistrut tal-Qorti biex il-każ jiġi assenjat kif xieraq u biex ikomplu l-proċeduri.

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-imputat. 

Sport