Raġel ta’ 32 sena ġie akkużat b’attentat ta’ qtil wara li tifla ta’ 11-il sena qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’Leicester Square.
Ioan Pintaru, li m’għandux indirizz fiss, kien mixli wkoll li kien fil-pussess ta’ oġġett li jaqta’ u bil-ponta u nżamm taħt arrest preventiv wara li deher fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster it-Tlieta filgħodu.
Il-Pulizija kienu mitluba jassistu wara li rċevew rapporti li persuni qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’post turistiku fiċ-ċentru turistiku ta’ Londra għall-ħabta tal-11.34 a.m.
Għall-ewwel kien maħsub li omm il-vittma weġġħet ukoll f’dan l-inċident b’danakollu l-Pulizija Metropolitana qalet li d-demm mill-ġrieħi ta’ bintha bi żball kien maħsub li kien tagħha.
It-tifla tagħha ttieħdet l-Isptar issofri minn ġrieħi serji, għalkemm ma kinitx tinsab fil-periklu li titlef ħajjitha.
Il-Pulizija qalet li ma kienx hemm indikazzjoni li turi li dan l-inċident kien relatat mat-terroriżmu u l-uffiċjali ma jemmnux li s-suspettat u l-vittmi kienu jafu lil xulxin.
Leicester Sqaure u ż-żoni tal-madwar jattiraw madwar 2.5 miljun viżitatur kull ġimgħa. L-inċident seħħ biswit ħanut tat-tè, b’uffiċjal tas-sigurtà li kien hemm fil-ħanut jintervjeni fil-ħin biex jgħin lit-tifla wara li sfat aggredita.