Raġel bla saqaf fuq rasu nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’diversi akkużi ta’ serq.
Wayne Hall ta’ 32 sena kien mixli b’serq ta’ e-scooter, tablet u batterija ta’ e-scooter ieħor. Il-każi seħħew bejn l-20 u t-22 ta’ Awwissu f’diversi nħawi fil-Fgura. Huwa kien mixli wkoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u li sar riċediv.
Hekk kif kellha tibda l-kawża, il-Qorti ġiet mgħarrfa li l-pulizija ma setgħetx taqbad lill-avukat tal-għajnuna legali fuq il-mobile. Ġie rrimarkat li dan seħħ ukoll f’kawża oħra u li kien daħal avukat ieħor tal-għajnuna legali li nzerta kien il-Qorti dak il-ħin.
Fil-kawża kontra l-imputat, preżenti fl-awla kien hemm l-Avukat Arthur Azzopardi, li aċċetta li jassistih biss għal din is-seduta u minħabba ċ-ċirkostanzi f’dak il-mument.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.