Abdalmajid Mohammad Mohammad, Sirjan ta’ 30 sena tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li l-Ġimgħa kmieni filgħodu saq karozza fi Triq ix-Xatt tal-Pietà mingħajr liċenzja tas-sewqan u minghajr assigurazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Qorti li għall-ħabta ta’ 12:30a.m. il-Pulizija tal-Ħamrun kien qed jagħmlu road-checks meta waqqfu lill-akkużat u talbuh jippreżenta l-liċenzja tas-sewqan.
L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa qalet li l-imputat m’għandux permess biex jibqa’ Malta u li ġie arrestat wara li nstab isuq mingħajr liċenzja u assigurazzjoni, kif ukoll b’mod traskurat.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li f’Mejju tal-2025 kien instab isuq mingħajr liċenzja u kien ġie deportat, iżda wara reġa’ ġie Malta.
Meta mistoqsi dwar l-akkużi, Mohammad qal li jrid avukat tal-fiduċja tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, ħadet it-tweġiba tiegħu bħala mhux ħati.
Il-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.
