Monday, March 2, 2026

Raġel ta’ 33 sena jingħata sentenza sospiża u ordnijiet mill-Qorti wara theddid lill-eks sieħba

Aqra wkoll

Quddiem il-Qorti, raġel impjegat ta’ 33 sena ammetta l-akkużi relatati ma’ theddid u fastidju fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu, wara rapport li sar mill-vittma fl-għassa tal-pulizija fi Frar.

Raġel ta’ 33 sena, impjegat, tressaq quddiem il-Qorti fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih b’rabta ma’ theddid u fastidju fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li d-difiża kienet fdata f’idejn l-avukati Amadeus Cachia u Ismael Psaila. Il-maġistrat Tanya Sammut ppresediet il-każ.

Skont il-prosekuzzjoni, fit-28 ta’ Frar il-vittma marret tagħmel rapport fl-għassa tal-pulizija kontra l-eks sieħeb tagħha. Hija stqarret li kienu f’relazzjoni għal sitt xhur u li l-problemi kienu ilhom għaddejjin għal madwar tliet xhur. Intqal ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li sar rapport.

Il-vittma allegat li l-imputat kien imur quddiem id-dar tagħha, jċempelilha u jheddidha b’kliem aggressiv. Sar risk assessment li rriżulta f’livell 14, klassifikat bħala sever.

Meta l-pulizija arrestaw lill-imputat, huwa kien deskritt bħala aggressiv, juża kliem oxxen u allegatament qal “inqattaha”, b’referenza għall-vittma. Il-pulizija nnutaw ukoll riħa ta’ alkoħol minn ħalqu. Huwa ttieħed fi klinika u, aktar tard, intqal li skuża ruħu mal-pulizija għall-imġiba tiegħu.

Quddiem il-Qorti, l-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Tanya Sammut, li ħadet nota tal-ammissjoni tiegħu.
Il-Qorti kkundannatu għal sitt xhur priġunerija sospiżi għal perjodu ta’ sena. Ġiet imposta wkoll multa ta’ €3,500, flimkien ma’ ordni ta’ trattament u ordni ta’ trażżin biex jipproteġu lill-vittma.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport