Mario Zammit ta’ 49 sena residenti Ħaż-Żabbar u Charlotte Zammit ta’ 42 sena residenti x-Xgħajra ġew akkużati fil-Qorti li serqu b’aktar minn €2,300 minn residenza fiż-Żejtun.
Iż-żewġ persuni kienu akkużati li wettqu din is-serqa fl-1 ta’ Marzu ta’ din is-sena u li kkaġunaw ħsara fid-dar. Huma ġew akkużati wkoll li kisru diversi kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-Qorti f’każi separati.
Ir-raġel u l-mara li fil-Qorti ntqal li għandhom il-vizzju tad-droga wieġbu mhux ħatja. Huma baqgħu jinżamm arrestati fil-Ħabs ta’ Kordin.
Il-Maġistrat Gabriella Vella rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva biex jagħti għajnuna liż-żewġ akkużati biex jindirizzaw il-vizzju li għandhom.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Martina Calleja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Doriette Cuschieri u Joseph Mercieca.