Wednesday, July 24, 2024

Raġel u mara bil-vizzju tad-droga jammettu li wettqu erba’ serqiet 

Aqra wkoll

Raġel u mara li għandhom il-vizzju tad-droga tressqu l-Qorti b’rabta ma’ erba’ serqiet li seħħew fuq perjodu ta’ erbat ijiem. 

L-imputati huma Axil James Busuttil ta’ 31 sena residenti Birżebbuġa u Anaise Sammut ta’ 26 sena minn Raħal Ġdid. 

Busuttil waħdu kien mixli li seraq flus, mobile u oġġetti oħra minn fuq erba’ persuni u li sar reċediv. Sammut waħedha kienet mixlija b’kompliċità f’dawn is-serqiet, li seħħew bejn it-3 u s-7 ta’ Diċembru li għadda fiż-Żejtun u f’Birżebbuġa.

Iż-żewġ imputati, li fil-Qorti ddikjaraw li ma jaħdmux, wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. 

L-Ispettur Lydon Zammit, li mexxa l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, spjega kif l-imputati kkoperaw bis-sħiħ mal-pulizija fl-investigazzjonijiet li saru. Huwa semma wkoll kif f’dan is-serq intużat ukoll sikkina. 

Huwa kkonferma li l-imputati kienu għamlu xi żmien ħielsa mid-droga, iżda dan l-aħħar reġgħu waqgħu fil-vizzju u sfortunatament dan wassalhom sabiex iwettqu dawn ir-reati. “Il-Prosekuzzjoni taqbel li l-imputati jridu u għandhom bżonn l-għajnuna,” kompla jgħid l-Ispettur Zammit.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, iddifferiet il-kawża għas-sentenza għall-14 ta’ Diċembru li ġej. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Shawn Pawney. L-Avukat Mario Caruana deher għal Axil James Busuttil mentri l-Avukat Julia Micallef Stafrace dehret għal Anaise Sammut.

Ekonomija

Sport