Monday, October 21, 2024

“Rajna progress enormi”-L-eks Sindku u kanditat elett fil-Kunsill tal-Mellieħa John Buttigieg

... Isemmi żieda fl-ispazju, tindif, organizzazzjoni u faċilitajiet…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“F’dawn l-aħħar snin kien hemm ħafna titjib f’dak li huwa spazju għall-pubbliku b’mod inġenerali u dan anke fejn tidħol l-indafa tal-bajjiet. Hawn rajna progress enormi bil-faċiltajiet fost l-oħrajn ta’ showers u karreġjati għal fuq ir-ramel għall-persuni b’diżabilità”.

Qal dan l-eks Sindku u kandidat elett fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, John Buttigieg, meta mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-għarmar ta’ umbrellel u deckchairs minn lidos u gabbani f’bajjiet pubbliċi.

Filwaqt li spjega li bħala Kunsill ma jidħlux fuq il-permessi relatati u lanqas kemm suppost jarmaw, xorta jemmen li hemm lok fejn l-awtoritajiet jaraw ftit li l-liġijiet u r-regolamenti jkunu osservati. 

Buttigieg qalilna li kien hemm żmien fejn il-konċessjonijiet kienu jabbużati però, osserva li f’dawn l-aħħar snin fil-bajjiet kien hemm aktar organizzazzjoni u anke spazji liberi għall-pubbliku. “Jiġifieri, dak li jkun irid imur sal-Għadira, se jsib spazju biżżejjed fejn jarma l-umbrella personali u ma joqgħodx jikri mingħand il-lidos.

Ngħidu li hawnhekk, f’dawn l-aħħar snin  għamilna ħafna progress fejn l-ispazju għall-pubbliku inġenerali kiber u huwa sosstanzjali. Tista’ forsi tgħid imma biżżejjed? Din hija kwistjoni ta’ opinjoni. Kieku jkun hemm aktar, ikun aħjar però, nahseb li hawnhekk għamilna progress.

Ovvjament imbagħad tqum probema għax jarmaw minn filgħodu tant li tmur filgħodu u ssib il-bajja tal-Għadira jew postijiet oħra, diġà mimlijin. Hawnhekk l-awtoriajiet jistgħu jkunu aktar viġilanti. Nemmen li hemm din it-tip ta’ problema li minn filgħodu kmieni ssib il-parti l-kbira tal-bajja meħuda minn dawn l-umbrellel u deckchairs”.

L-eks Sindku spjega li bħala lokalità tal-Mellieħa, waħda mill-isfidi li jiffaċċjaw hija l-kwistjoni tal-bajjiet li għandhom fil-lokalità tagħhom. Sfidi f’dak li huwa tindif u manutenzjoni fost l-oħrajn.

Huwa afferma li l-akbar problema li jkollhom ta’ kull sena hija proprju l-kwistjoni tad-deckchairs u l-umbrellel fil-bajjiet tagħhom. Dawn huma prinċipalment il-bajja tal-Għadira, il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa, il-bajja tal-Għarmier iż-Żgħir u l-bajja tal-Għarmier. 

Il-Kunsill jieħu l-ilmenti u jitlob investigazzjoni

“Biex inkunu mal-punt, bħala Kunsill, aħna ma nidħlux fiż-żamma tal-indafa u l-organizzazzjoni tal-bajjiet li għandna fil-lokalità. Dawk jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Artijiet u tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA). Allura, aħna bħala Kunsill, ma nidħlux fuq kemm ikun hemm umbrellel jew fejn.

Għalihom hemm żewġ entitajiet responsabbli li huma d-Dipartiment tal-Artijiet u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA),” kompla Buttigieg. Min-naħa tal-Kunsill, meta jidħol xi ilment mir-residenti, jitolbu biex dawn l-entitajiet jindagaw jekk kollox huwiex kif suppost. 

Sadanittant huwa ried jippuntwalizza li f’dawn l-aħħar sentejn il-bajja tal-Għadira rat tibdil sħiħ fil-promenade. Spjega li, “qabel kellek bankini li lanqas tista’ timxi fuqhom, lanqas b’pushchair jew wheelchair bid-diżlivelli li kien hemm. Issa sar xogħol kbir ħafna minn Infrastructure Malta u mill-Ministeru tat-Turiżmu”. 

John Buttigieg temm billi rringrazzja lil dawn iż-żewġ Ministeri għar-raġuni li, ”wara tant snin nistennew li l-bajja tal-Għadira tingħata dehra ftit diċenti, grazzi għal dawn iż-żewġ ministeri, irnexxielna naslu biex għandna promenade li ssaħrek. Issa wieħed jista’ jmur b’mod liberu u jimxi mingħajr problemi b’faċilitajiet inkluż bankijiet, kif jixraq f’bajja li hija anke blue flag”.

Sport