Thursday, November 21, 2024

“Rajt għonja li fl-aħħar ta’ ħajjithom sabu rwieħhom foqra bil-wisq aktar mill-foqra”

L-Isqof Theuma b’appell għall-kontroll fil-ħajja tagħna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Tgħid il-ħuta taf xi jfisser għaliha l-baħar. Taf li titwieled, tgħix fih u tagħti l-ħajja lil ħut oħra? Taf li barra minnu mhi xejn għajr il-mewt?” Hekk beda biex jindirzza lill-folla preżenti għall-konċelebrazzjoni pontifikali solenni f’jum is-solennità tal-Għid tal-Assunta l-Isqof Anton Theuma.

Theuma qabbel il-ħuta mal-bniedem u qal li aħna jeħtieġ li nistaqsu l-istess mistoqsija lilna nfusna bħala bnedmin u nifhmu li mingħajr Alla aħna m’aħna xejn.

Theuma kompla biex jgħid li t-tama u l-kuraġġ għandhom jirbħu s-sitwazzjonijiet diffiċli tal-ħajja ta’ kuljum. 

“Inkunu għaddejjin minn xix għaddejjin fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, anke jekk il-problemi u d-diffikultajiet fil-ħajja tagħna jkunu qawwijin, Alla jiftakar fik, jiftakar f’qalbek u jsejaħlek”, kompla Theuma f’omelija li fiha qabbel il-kobor tal-baħar mad-dar fiċ-ċokon li trid trawwem fl-imħabba, f’relazzjonijiet awtentiċi, bnedmin maturi li lesti jwelldu lil Alla bl-imġiba tagħhom.

Huwa qal li meta nagħmlu l-paragun ma’ ħaddieħor, meta niġu mqabblin ma’ ħaddieħor u dawk ta’ madwarna jnisslulna sens ta’ inferjorità nkunu qegħdin naħmu bil-mod il-mod bniedem supperv li se jibqa’ jħossu ħażin u mill-agħar sakemm jiddeċiedi li hu jista’ jkun xi ħaġa.

Tkellem dwar il-bżonn li nibżgħu minn Alla fejn mhux nitwerwru minnu, iżda nagħrfu nżommu postna u li bil-kapaċitajiet u d-difetti li għandna aħna aċċettati. 

Theuma enfasizza li f’ħajtu ltaqa’ ma diversi nies għonja li qattgħu l-aħjar snin ta’ ħajjithom jistinkaw forsi għall-familja u spiċċaw lanqas kellhom ċans ipoġġu bilqiegħda ħdejhom u jkellmuhom u dawk li fl-aħħar ta’ ħajjithom isibu rwieħhom foqra bil-wisq aktar mill-foqra. 

“Dak li hu żejjed, dak li m’għandniex x’nambu huwa kollu għall-qerda tagħna u dawk li nħobbu. L-għana bħall-ikel jekk ftit iħallik bil-ġuħ imma jekk iż-żejjed jagħmillek id-deni”, tenna l-Isqof Theuma.

Sport