Sunday, May 5, 2024

Jitnieda l-Festival tas-Sajf tal-Films Ċiniżi fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta

Aqra wkoll

Nhar il-Ħamis, 10 ta’ Awwissu, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta nieda l-Festival tas-Sajf tal-Films Ċiniżi bil-għan li jarrikkixxi l-esperjenza tal-udjenza lokali fil-kultura Ċiniża permezz ta’ films varji maħdumin fiċ-Ċina.

Għalliema u studenti mill-Malta School of Wushu – The Longguí Wuguan attendew għat-tnedija ta’ dan il-festival. Huma kellhom l-opportunità li jaraw l-ewwel film Kung Fu Yoga, kummiedja Ċiniża b’azzjoni u avventura, b’Jackie Chan bħala protagonista. L-udjenza żaret ukoll il-wirja tat-te flimkien mal-librerija fiċ-Ċentru, kif ukoll il-fanali festivi ta’ Chang’an li bħalissa qed iżejnu Triq Melita fil-Belt Valletta.

Gino Dalcielo, il-prinċipal tal-Malta School of Wushu, irringrazzja liċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta għal din l-esperjenza. Huwa qal li dan il-festival arrikkixxa l-fehim tal-għalliema u l-istudenti dwar il-kultura Ċiniża.

Dis-sena, fit-tliet ġimgħat konsekuttivi, kull nhar ta’ Ħamis fis-7.00pm, se jintwerew tliet films oħra fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta bħala parti mill-Festival tas-Sajf tal-Films Ċiniżi.

The Monkey King: Uproar in Heaven li ser jintwera fis-17 ta’ Awwissu huwa film animat li jirrakkonta l-istorja tar-Re Xadin li jidħol fil-Palazz tad-Dragun u jaqla’ l-inkwiet fil-Qorti tas-Smewwiet.

Monster Hunt 2 li ser jintwera fl-24 ta’ Awwissu huwa film ta’ avventura u fantasija dwar mostru żgħir jismu Wuba li jibda vjaġġ fid-dinja tal-mostri. Hu ma jkunx jaf li l-forzi tar-re tal-ħażen ikunu qegħdin ifittxuh.

My Other Home li ser jintwera fil-31 ta’ Awwissu huwa film awtobijografiku ta’ Stephon Marbury, wieħed mill-aktar plejers magħrufa tal-basketball professjonali Amerikani fil-kampjonat tal-NBA, li jara l-karriera tiegħu tisfuma fix-xejn ħabta u sabta. Il-film jirrakkonta l-esperjenza leġġendarja tiegħu meta mar iċ-Ċina biex isegwi l-ħolma tiegħu tal-basketball.

Il-pubbliku huwa mistieden jattendi. Id-dħul huwa bla ħlas. Wieħed jista’ jirriserva post billi jibgħat email fuq [email protected] 

Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta jinsab f’173, Triq Melita, il-Belt Valletta.

Sport