Wara tmiem il-ġimgħa li għaddiet ma jistax jonqos li bħalissa fuq fomm kulħadd titlissen il-kelma Eurovision, liema kienet l-aktar kanzunetta li laqtitna, dik li possibbilment tagħmel suċċess barra minn xtutna, u x-xewqa ta’ kulħadd tkun li l-kanzunetta magħżula tgħaddi għall-finali tal-Eurovision Song Contest.
Il-Malta Eurovision Song Contest huwa l-kompetizzjoni annwali tal-kanzunetti Maltin biex f’Mejju mbagħad tgħaqqad il-mużika popolari minn madwar l-Ewropa. Dan il-festival juri kemm Malta tiġbor talenti mużikali mill-aqwa biex jikkonkorru għall-possibbiltà li jirrappreżentaw lill-pajjiż fil-Eurovision Song Contest internazzjonali.
Il-kompetizzjoni hija bbażata fuq voti pubbliċi u wkoll minn membri tal-ġurija li ġejjin minn oqsma tal-mużika u li għalhekk esperti biex jagħżlu l-kanzunetta li ser tirrappreżentana.
Din is-sena l-kanzunetta rebbieħa hija Kant, kantata minn Miriana Conte, li hija waħda mill-aktar artisti prominenti li ħadet sehem f’din il-kompetizzjoni. Miriana għandha vokali qawwija u karriera prominenti fil-mużika Maltija, fejn hija tista’ tħalli impatt kbir meta ser tirrappreżentana barra minn xtutna.
Aħna naturalment iltqajna magħha u xtaqna nsiru nafu ftit mingħandha x’kienu dawk l-emozzjonijiet li ħasset meta rrealizzat li hi ser tkun qed titla’ ġewwa l-Iżvizzera biex tkanta f’isem il-poplu Malti fost udjenza tassew numeruża, u ser tkun qed twettaq il-ħolma ta’ ħafna kantanti li jaspiraw huma wkoll xi darba jitilgħu jirrappreżentaw lil Malta f’dan il-festival tant prestiġjuż.
L-ewwel kummenti tagħha dwar din ir-rebħa u jekk kinitx qed tistennieha kienu li hi ma kinitx qed tistenna din ir-rebħa, “għax din kienet l-aqwa sena fl-istorja tal-Malta Song, u ovvjament għandi wisq emozzjonijiet li ma nistax niddeskriviehom, għax vera ħdimt u stinkajt matul din is-sena flimkien mat-tim tiegħi li għamiltu kburi b’din ir-rebħa.”
Iżda lkoll nafu li minn meta ħarġu l-kanzunetti kollha li għaddew għas-semi finali, kien hemm diġà l-għajta li l-kanzunetta Kant ser tittrijonfa, u jekk le żgur li ser tiġi mal-ewwel tlieta. Allura dan jaf joħloq pressjoni fuq il-kantant jew kantanta li l-kanzunetta tiegħu tkun qed tissemma li ser tibaħ għax imbagħad dak li jkun forsi ma jkunx irid li jiddiżappunta lill-pubbliku.
Miriana iżda qaltilna li “dan għamlitli l-pressjoni mill-bidu, għax li tkun il-favorita fl-opinjoni tiegħi ma narahiex xi ħaġa tajba, għax nemmen li b’hekk tkun trid taħdem u tistinka t-triplu għax imbagħad l-aspettazzjonijiet ikunu għoljin ħafna.”
Issa li Miriana ilha fix-xena tal-mużika għal dawn l-aħħar snin xtaqna naraw x’taħseb fuq il-mużika f’pajjiżna u hi wieġbet li “x-xena tal-mużika taraha tajba ħafna, għandna ħafna talent, iżda li fejn jidħlu opportunitajiet aħna xi ftit limitati u ma tantx qed jingħataw opportunitajiet lill-kantanti.”
Lura fit-taħdita tagħna dwar il-Eurovision u dwar l-esperjenza tagħha li żgur li ser tkun indimentikabbli ġewwa l-Iżvizzera hija qaltilna li “sfortunatament minħabba li għadu kif kelli aċċident bil-karozza, irrid nieħu ftit żmien biex inkun nista’ nirkupra b’mod sħiħ, għax għalkemm jien ninsab tajba imma għandi bżonn nirkupra minn ftit korrimenti li kelli li għalkemm mhumiex kbar iżda hemm bżonn nirkupra sew biex imbagħad nibdew nitkellmu dwar il-preparamenti biex nibdew it-triq tagħna għal Basel.”
Bħalma jiġri dejjem, kanzunetta mhux bilfors li ser tintgħoġob minn kulħadd. Ikun hemm min jgħaddi xi kummenti dwar il-kanzunetta jew anke dwar il-wirja li ttellgħet fuq l-istejġ dakinhar tax-xow, iżda għal Miriana dawn it-tip ta’ kummenti għenuha biex toħroġ aktar bi grinta fuq il-palk.
Minn kliemha stess hija “persuna pożittiva ħafna u nipprova affarijiet negattivi kemm jista’ jkun nibdilhom f’dawk pożittivi. Kien hemm it-tim tiegħi li beda joħodli l-mobile biex ma nibdiex nara dawn il-kummenti ħżiena, imma jiena mort kontra r-regola tagħhom u ftaħt il-mobile, u rajt kumment partikolari, l-uniku kumment li rajt, u dak għeni biex noħroġ aktar bi grinta fuq il-palk, għax jien għalija, jgħidu x’jgħidu n-nies ma tagħmilx differenza għalija.”
Din il-grinta żgur li lil Miriana tgħinha fil-karriera tagħha bħala kantanta u żgur li anke fil-ħajja personali. Għalhekk xtaqna lil Miriana tgħaddi messaġġ għal dawk in-nies, jista’ jkunu tfal jew żgħażagħ li wkoll jaspiraw li jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-kant u qaltilna li “jien nimmotiva u nħeġġeġ lil kulħadd biex kull min għandu xi ħolma jwettaqha, u ma jħalli lil ħadd u lil xejn iżommu lura jew itellfu milli jagħmilha.”
Din il-pożittività ta’ Miriana żgur li għenet lilha f’din il-karriera tagħha, u fil-fatt fuq il-palk ukoll rajna l-kunfidenza tagħha, għax temmen fiha nnifisha, fil-messaġġ b’saħħtu tad-diska li issa qed twasslu lil eluf ta’ nies permezz tal-kanzunetta Kant. Kanzunetta li l-pubbliku vvota għaliha għax emmen fil-messaġġ tagħha, emmen f’Miriana u għażilha biex tirrappreżentana f’Mejju li ġej.
Għalhekk, filwaqt li nawguraw lill-kantanti kollha għall-prestazzjoni sabiħa li kollha kemm huma taw nhar is-Sibt, issa nħarsu ’l quddiem lejn Mejju biex flimkien inxejru l-bandiera Maltija u nagħtu s-sapport tagħna lill-kantanta Maltija Miriana Conte!