Sunday, November 24, 2024

“Rajt nisa fl-art fil-kurituri sa ftit ħin wara li welldu … kelli ninżel sulari ta’ taraġ f’dak l-istat”

Omm tiddeskrivi d-diffikultajiet tal-ħlas waqt gwerra

Aqra wkoll

“Mentalment imkissra u mbeżża’. It-twelid ta’ binti hija t-tama qalb din il-ħajja ta’ gwerra u qtil”. Iddikjarat dan Jumana Emad – waħda min-nisa residenti f’Gaza li sa xahar ilu kienet qiegħda miġbura ferħana ma’ familtha tistenna bi ħġarha l-aħħar fażijiet tat-tqala tagħha. 

Emad kienet taf li kien se jkollha tifla u kemm hi u żewġha kif ukoll it-tifla l-oħra tagħhom t’erba’ snin ukoll kienu eċitati biex jaraw liċ-ċkejkna titwieled.

F’intervista fil-midja internazzjonali l-omm spjegat dwar il-kruha tal-gwerra u l-problemi għal dawk in-nisa kollha li kienu qegħdin jistennew tarbija. Fosthom il-fatt li mara tqila teħtieġ li toħroġ timxi, iżda minħabba l-periklu minn meta feqqgħet il-gwerra dawn jpiċċaw lanqas jistgħu joħorġu jixtru x’jieklu. 

L-omm tispjega dwar kif kienet ordnata tiċċaqlaq u kif l-aħjar għażla għaliha kienet li tieħu lil bintha għand waħda mill-qraba tagħha kważi kważi b’ta’ fuqha senduqa. Tant hu hekk li fid-deskrizzjoni tal-mod ta’ kif l-affarijiet ġraw malajr tgħid li tatha biss tibdila waħdha, kartuna ħalib u basket żgħir.

Dwar il-mument tal-ħlas, il-mara spjegat li ma kinitx torqod bil-lejl minħabba l-biża’ li tinqabad qalb l-attakki meta tasal biex teħles. Kellha l-pjan li tmur fl-Isptar Al-Shifa fil-belt ta’ Gaza, iżda minflok hija marret lejn Al-Awda f’Nuseirat, sptar iżgħar iżda li ma kienx hemm daqstant pressjoni fuqu.

“Taxis kienu qegħdin jibżgħu jaħdmu qalb l-attakki u l-ambulanzi kienu wisq imħabbtin biex jagħtu prijorità lil mara li waslet biex twelled. Waqt il-ħlas ma waqafx l-istorbju tal-bumbardamenti iżda daħħalt f’rasi li l-unika ħaġa importanti għalija dak il-ħin kien li nġib lil binti fid-dinja”, kompliet Emad.

Kompliet biex tiddeskrivi l-gravità tas-sitwazzjoni meta qalet li tħossha fortunata li kienet sabet sodda wara kedda bħal dik u qalb il-ħafna wġigħ u demm għadu jnixxi għax nisa oħrajn kellhom jistennew anke fl-art fil-kurituri minħabba nuqqas ta’ provisti.

Spjegat ukoll li ħadet id-deċiżjoni li tħalli l-Isptar ftit sigħat biss wara biex tingħaqad ma’ żewġha u bintha, iżda li anke din kellha l-kumplikazzjonijiet tagħha. Huma u neżlin bil-lift nqata’ d-dawl u kellha tinżel diversi sulari ta’ taraġ li xejn ma kienu ideali għall-istat li kienet fih.

Hija temmet li l-uniku ħaġa pożittiva f’dawn l-aħħar ġimgħat hija t-tbissima ta’ bintha, anke jekk minħabba l-gwerra ma setgħux jiċċelebraw kif jixraq it-twelid tagħha.

Sport