Monday, May 13, 2024

Il-Pulizija tgħid li s-suspettat irrapporta li kien qiegħed “jisma’ vuċijiet u theddid” 

Ikomplu t-tfittxijiet għas-suspettat li qatel 18-il persuna f’Maine 

Aqra wkoll

It-tfittxija għas-suspettat li qatel 18-il persuna u darab 13 oħra fi sparatura f’Maine ssoktat matul il-jum tal-bieraħ. 

Il-pulizija identifikat lis-suspettat bħala Robert Card, li huwa armat u perikoluż. Dan filwaqt li talbet lir-residenti sabiex jibqgħu ġewwa djarhom.

Il-Pulizija żiedet tgħid li kienet qiegħda tagħmel diversi tfittxijiet fl-inħawi. L-aġenti tal-FBI u l-infurzar tal-liġi lokali nstemgħu jgħidu lis-suspettat sabiex joħroġ minn residenza “b’idejh ‘il fuq”. Madankollu wara ftit sigħat, il-pulizija telqu minn fuq il-post.

Għadu mhux ċar x’wassal għal dik it-tfittxija, b’kelliem għad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ta’ Maine jgħid li l-uffiċjali sempliċiment kienu qegħdin jagħmlu dak kollu li jistgħu fi sforz biex isibu s-suspettat u jarrestawh. 

L-isparatura seħħet f’bowling alley fil-belt ta’ Lewiston ftit qabel is-7.00 p.m. (ħin lokali), fejn inqatlu mara u sitt irġiel. F’temp ta’ 10 minuti, kien irrapportat li nstemgħu tiri fir-ristorant “Schemegees Bar & Grill”, fejn inqatlu tmint irġiel oħra. 

Sittax-il persuna kellhom jittieħdu fi sptar lokali għall-kura, bi tlieta minnhom sfortunatament jitilfu ħajjithom aktar tard. 

Il-Pulizija fl-Istat ta’ Maine qalet li s-suspettat riċentament irrapporta li kellu problemi ta’ saħħa mentali, inkluż li “kien jisma’ l-vuċijiet u theddid biex jispara f’bażi militari fin-nofsinhar ta’ Maine”. 

Kien irrapportat li s-suspettat kellu jiddaħħal f’faċilità għat-trattament dwar is-saħħa mentali fis-sajf, wara li beda jaġixxi b’mod erratiku waqt it-taħriġ fl-akkademja militari tal-Istati Uniti.

Il-Pulizija iżda ċaħdu rapporti li huwa kien għalliem tal-armi tan-nar u qalet li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li attenda korsijiet avvanzati dwar l-armi. 

Waqt li kienet qiegħda titkellem f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis li għadda, is-Senatur ta’ Maine Susan Collins iddeskriviet l-attakk bħala wieħed “faħxi”, filwaqt li ħa l-ħajja ta’ 18-il ċittadin ta’ Maine u weġġa’ bosta persuni oħra. Qalet ukoll li dan l-attakk huwa wieħed mill-akbar sparaturi tal-massa li qatt kien esperjenzat f’dan l-istat. 

Sport