Saturday, May 4, 2024

Rakkomandazzjonijet li se jsaħħu l-familja fi stadju avvanzat

… se titnieda konsultazzjoni pubblika f’dan is-settur

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jħabbar l-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika marbuta mas-settur tal-familja. Dan wara sensiela ta’ laqgħat li saru ma’ varji stakeholders f’dan is-settur u anke ma’ persuni li għaddew minn sitwazzjonijiet differenti f’ħajjithom.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta fil-Parlament kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia b’rabta mal-ħidma li qiegħda ssir mill-Ministeru tiegħu fir-rigward ta’ dan is-settur.

Il-Ministru Attard beda biex qal li huwa jrid jaċċerta lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma involuti f’dan is-settur, inkluż il-professjonisti legali u ħaddiema fil-Qrati, li dan il-qasam huwa ta’ prijorità għal dan il-Gvern. Qal li l-proposti li se jitressqu għall-konsultazzjoni jirriflettu l-impenn tal-Gvern fil-manifest elettorali dwar is-settur tal-familja.

Huwa nnota li kien hemm diversi rapporti, inkluż il-ħidma li saret mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, fuq suġġetti importanti bħalma huma l-parental alienation fost oħrajn. Qal li l-pass li jmiss huwa li dan kollu jiġi rifless f’riforma leġiżlattiva.

Il-Ministru Attard żied jispjega li fi ħdan il-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli nħatar ukoll working group li evalwa l-ħsibijiet li tressqu u fl-istess waqt kompliet il-ħidma ma’ persuni oħra f’dan is-settur. Kien hawn fejn sostna li l-proċess ta’ konsultazzjoni mistenni li jkompli jsaħħaħ dak li qed jiġi rakkomandat.

“Din se tagħtina l-opportunità li nkomplu nsaħħu l-istrutturi eżistenti inkluż il-Qrati. Illum għandna sezzjoni tal-familja fil-Qrati Ċivili. Irridu nħarsu lejn aktar speċjalizzazzjoni kif qed nagħmlu f’setturi oħra fosthom fil-qasam tal-kummerċ.

“Irridu naraw li jkun hemm strutturi li jmorru lil hinn mill-Qrati li jwasslu wkoll għal ċertu effiċjenza, speditezza, u partikolarment li ssir ġustizzja dejjem fl-aqwa interess tal-minuri,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Sport