Il-coach temporanju l-ġdid ta’ Manchester United, Ralf Rangnick, sostna li jista’ jkompli fit-tmexxija wara li jiskadilu l-kuntratt f’Ġunju li ġej.
Huwa kien preżenti f’Old Trafford biex jara lil Manchester United jegħlbu lil Arsenal 3-2
Il-Ġermaniż ħa post lil Ole Gunnar Solskjaer sal-aħħar tal-istaġun fejn mistenni jkompli b’irwol ta’ konsulenza għal sentejn wara Ġunju.
“Jekk kollox imur tajjeb nista’ nagħmel l-istess rakkomandazzjoni li għamilt f’RB Leipzig darbtejn – li tista’ tkun idea tajba li tibqa’ taħdem miegħi għal sena – iżda kollox huwa ipotetiku,” qal il-Ġermaniż ta’ 63 sena. .
“In-nies li tkellimt magħhom kienu ċari ħafna li qed nitkellmu dwar rwol ta’ sitt xhur bħala maniġer,” qal.
“Qatt ma tkellimna dwar x’se jiġri fis-sajf.
“Bħalissa, jiena konxju bis-sħiħ li jistgħu jkunu qed ifittxu maniġer ġdid. Jekk imbagħad jitkellmu miegħi dwar dan, naraw.
“Għalija, issa huwa dwar ir-rebħ tal-logħob li jmiss u dan huwa l-fokus ewlieni.”
Ragnick se jmexxi lir-Red Devils għall-ewwel darba fil-logħba ta’ nhar il-Ħadd kontra Crystal Palace f’Old Trafford stess.