Wednesday, April 17, 2024

Akkademja Mużikali biex tagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet tat-350 sena mill-Kanonizazzjoni ta’ San Gejtanu

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta 21 ta’ Diċembru 2021, fil-Knisja Arċipretali u Arċimatriċi ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, se titella’ Akkademja Mużikali mill-Banda San Gejtanu sabiex l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu ttemm uffiċjalment iċ-ċelebrazzjonijiet imtella’ sabiex jitfakkar it-350 sena minn meta San Gejtanu ġie kkanonizzat.

Matul din l-Akkademja li se tibda fis-7.30pm, se jiġu esegwiti diversi bċejjeċ mużikali mill-arkivju rikk u vast tal-Għaqda u siltiet ġodda li se jindaqqu għall-ewwel darba propju għal din l-okkażjoni.

Fost il-bċejjeċ mużikali li se jiġu esegwiti se jkun hemm l-Innu lil San Gejtanu tal-mibkija Joseph Abela Scolaro u Dun Frans Camilleri, l-innu, Kbir Gejtanu ta’ Ray Sciberras u Anselm Sciberras, l-innu, O Gejtanu Patrun Maħbub ta’ Tano u Rene Monseigneur u kanzunetta ġdida bl-isem ta’ Gejtanu li emmen u ħabba ta’ Jonathan Borg u Brian Bonnici.

Il-Banda San Gejtanu se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha, Mro. Jonathan Borg u se jieħdu sehem ukoll il-kor Bel Canto, is-Sopran Claire Caruana, it-tenur Joseph Aquilina, il-baritonu Albert Buttigieg u l-kantant Mark Tonna.

Din l-akkademja se tagħlaq programm wiesgħa li l-Għaqda tellgħet sabiex tfakkar dan l-anniversarju importanti fejn fost l-attivitajiet kien hemm dramm oriġinali li ttella’ f’Ottubru, wirja li ttellgħet f’Novembru u numru ta’ attivitajiet oħra sa mill-bidu ta’ din is-sena li daqt nispiċċaw.

Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd huwa mħeġġeġ jattendi billi josserva l-protokolli kollha fis-seħħ.

Din l-akkademja qed isir bis-sehem u l-appoġġ ta’ Fond għall-kawżi soċjali.

Ekonomija

Sport