Tuesday, May 14, 2024

Rangnich bi problemi bħal Solskjaer fit-team ta’ Manchester United?

Aqra wkoll

Edinson Cavani talab lil Ralf Rangnick biex ma jibdihx fid-draw ta’ 1-1 ta’ Manchester United ma’ Newcastle nhar it-Tnejn.

L-attakkant ta’ 34 sena għamel l-ewwel dehra tiegħu mit-2 ta’ Novembru, f’Tyneside. U għamel impatt bil-goal tad-draw kontra t-team mhedded bir-relegazzjoni. Cavani daħal wara l-mistrieħ minflok Mason Greenwood wara li Rangnick kien diżappuntat b’dak li ra fl-ewwel taqsima. 

Fil-veritá l-attakkant Urugwajan salva r-riżultat għar-Red Devils meta kiseb id-draw fil-71 minuta. Iżda l-Ġermaniż żvela li ried jutilizza aktar lil Cavani u kien qed jippjana wkoll li jkun fil-formaz­zjoni inizjali. 

Iżda l-istess Cavani, li se jintemmlu l-kuntratt fis-sajf li ġej, irrifjuta li jibda minħabba tħassib dwar il-kundizzjoni tiegħu.

Mistoqsi jekk Cavani kienx taj­jeb biex jiffaċċja lil Burnley nhar il-Ħamis, Rangnick qal: “Iva. Fil-fatt, fl-aħħar jumejn, kont qed nikkunsidra li nilgħabu mill-bidu.

“Tkellimt miegħu lbieraħ u kontra Newcastle ma ħassux komdu jilgħab mill-bidu għax ma kienx jaf kemm kien tajjeb fiżikament.

“Bla dubju, meta konna fl-iżvantaġġ u bil-ħin għaddej, kelli nagħ­mel xi tibdil. 

Huwa għalhekk li ddeċidejna li nużaw lilu u lil Jadon Sancho.

L-eks attakkant ta’ Paris Saint- Germain wera li huwa player utli b’19-il goal fi 48 logħba. U Cavani kien konvint li jiffirma kuntratt ġdid ta’ sena fis-sajf taħt il-gwida ta’ Ole Gunnar Solskjaer.

Iżda mbagħad huwa dawwar il-ħsieb fejn wera x-xewqa li jingħaqad ma’ Barcelona f’Jannar li ġej. 

U jekk jibqa’ f’Old Trafford sa Ġunju li ġej, huwa mistenni li jirritorna fl-Amerika t’Isfel qabel it-Tazza tad-Dinja ta’ Diċembru 2022, fil-Qatar.

Dan ifisser li din ma kinetx l-ewwel darba li Cavani ħoloq kwistjonijiet dwar id-disponibbiltà tie­għu.

Qabel, Cavani kien ukoll iddikjara lilu nnifsu mhux tajjeb għal-logħob lit-team mediku tal-United. Huwa mbagħad ġie msemmi fl-iskwadra għat-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-Europa League kontra Milan iżda rtira sigħat wara.

U fis-sajf li għadda ingħata seba’ ġimgħat ta’ mistrieħ wara li lagħab fil-Copa America. Għal darb’oħra kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-kundizzjoni tiegħu għal-logħba f’Southampton, partita li Cavani eventwalment ma vvjaġġax għaliha biex Solskjaer ma kellux triq oħra ħlief li jutilizza lil Anthony Martial li jrid ukoll iħalli l-club. 

Sport