Sunday, December 22, 2024

Rapport juri li t-tibdil fil-klima se jiggrava ċertu kundizzjonijiet ta’ saħħa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tibdil fil-klima qed iħalli impatt qawwi fuq is-saħħa tan-nies madwar id-dinja. Dan ħareġ minn rapport ta’ Lancet Countdown fejn intqal li d-dipendenza kontinwa tad-dinja fuq il-fossil fuels iżżid ir-riskju ta’ nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel, mard infettiv u mard relatat mas-sħana. 

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres qal li l-mexxejja globali jridu jqabblu l-azzjoni mal-kobor tal-problema. Il-mexxejja se jiltaqgħu għall-konferenza ewlenija dwar il-klima COP27 fl-Eġittu x-xahar id-dieħel. 

Ir-rapport jinkludi l-ħidma ta’ 99 espert minn għaqdiet diversi inkluż l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u kien immexxi mill-Kulleġġ tal-Università ta’ Londra. 

Ir-rapport sab li l-imwiet relatati mas-sħana globalment żdiedu b’żewġ terzi matul l-aħħar 20 sena. It-temperaturi laħqu rekord madwar id-dinja fl-2022, inkluż fir-Renju Unit fejn ġew irreġistrati 40 grad celcius, kif ukoll f’partijiet mill-Ewropa, il-Pakistan u ċ-Ċina. 

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres

L-impatti tas-sħana estrema fuq is-saħħa jinkludu kundizzjonijiet li jaggravaw bħal mard kardjovaskulari u respiratorju, u li jikkawżaw heat stroke u saħħa mentali fqira. 

Iżda ntqal li kien hemm is-soluzzjonijiet. “Minkejja l-isfidi, hemm evidenza ċara li azzjoni immedjata xorta waħda tista’ ssalva l-ħajjiet ta’ miljuni, b’bidla mgħaġġla lejn enerġija nadifa u effiċjenza enerġetika,” itemm jgħid ir-rapport.

Is-Sur Guterres qal li d-dinja qed tħares lejn il-pajjiżi tal-G20, li jipproduċu 80% tal-emissjonijiet globali ta’ serra. Qal li dawn għandhom iżidu l-isforzi biex jonqsu l-emissjonijiet u jwittu t-triq billi jinvestu fl-enerġija rinovabbli. 

Ekonomija

Sport